Sunday, December 22, 2024

Kollox jiddependi fuq kemm in-nies ikunu kapaċi jikkontrollaw l-AI

... Il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA Kenneth Brincat

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Bħal f’kull settur ieħor is-sehem tan-nies huwa essenzjali u għalhekk ħafna mid-drabi kollox jiddependi minn kemm dawn ikunu kapaċi jikkontrollaw kull avvanz li jista’ jsir. Fejn tidħol l-intelliġenza artifiċjali, jekk in-nies, l-istituzzjonijiet u l-Gvernijiet ma jintroduċux regolamenti fuq din it-teknoloġija li iktar ma jgħaddi żmien iktar qed tavvanza, tista’ toħloq perikli kbar għall-umanità.

Din hija l-fehma tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tal-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) Kenneth Brincat, f’intervista li kellu ma’ dan is-sit, fejn enfasizza l-fatt li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea huma diġa konxji ta’ dawn il-perikli, tant li l-Unjoni Ewropea ħolqot liġijiet li għandhom jidħlu fis-seħħ fix-xhur li ġejjin.

B’referenza għal Malta, Brincat qal li pajjiżna diġà huwa ppreparat għaliex diġà għandna awtorità stabbilita bil-liġi, bħalma hi l-MDIA li kienet involuta fid-diskussjonijiet ta’ din il-liġi u għandha esperjenza dwar it-tħaddim ta’ qafas regolatorju ta’ teknoloġija innovattiva.

Dwar l-intelliġenza artifiċjali, il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA saħaq li l-AI tista’ u għandha tkun ta’ benefiċċju kbir għall-umanità, billi din tista’ tipprovdi għajnuna minn diversi aspetti. Intant, hemm diversi pajjiżi kbar kemm fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll dawk li mhumiex li qed javvanzaw f’dan is-settur. Il-Kap Eżekuttiv ġab l-eżempju tal-Ingilterra fejn qal li din hija konxja mir-riskji li din it-teknoloġija tista’ ġġib magħha u riċentament tellgħet konferenza sabiex toħloq iktar għarfien dwar ir-riskji u l-bżonn ta’ regolamentazzjoni f’dan il-qasam.

Dwar l-intelliġenza artifiċjali f’Malta, Brincat qal li d-dipartiment tal-AI fl- Università ta Malta ilu jeżisti u l-ammont ta’ gradwati qiegħed dejjem jikber. Intant, l-MDIA din is-sena organizzat kamp matul is-sajf għat-tfal kollha li għandhom għal qalbhom it-teknoloġija, bil-għan li jkabbru l-għarfien fl-avvanz tat-teknoloġija biex ikunu ppreparati għall-isfidi taż-żmien li ġej.

Din is-sena, is-summit ta’ SiGMA kienet waħda akbar minn drabi oħra, u aktar kumpaniji tħajru li jiġu għaliha. Dwar dan, Brincat qal li wieħed seta’ jinnota li din kienet maqsuma f’żewġ partijiet – dik relatat mal-igaming u l-oħra mal-intelliġenza artifiċjali u l-blockchain.

F’SiGMA kien hemm ħeġġa għal iktar diskussjoni bejn l-esperti u sabiex jingħata għarfien akbar dwar x’inhi jiġri bħalissa u x’jista’ jseħħ f’dan is-settur fil-futur. Brincat qal; “Apparti li SiGMA kellha impatt ekonomiku, kellha wkoll impatt fuq l-iżvilupp tal-għarfien dwar l-avvanzi ta’ dawn it-teknoloġiji innovattivi”.

Ftit tal-jiem ilu, l-MDIA ċċelebrat il-ħames snin ta’ ħidma tagħha, li timxi pari passu ma’ dak li qed isir, filwaqt li kompliet taġġorna, tiġġedded u tadatta ħidmietha.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA qal li meta din ġiet stabbilita lura fl-2018, ingħatat responsabbilità ta’ regolatur tat-teknoloġija f’kull forma tagħha.
Brinacat qal; “Waħda minnhom kienet matul il-pandemija tal-Covid-19, kien hawn bżonn ta’ trasformazzjoni diġitali u għalhekk inħass aktar għarfien dwar l-użu tat-teknoloġija. Maż-żmien, l-MDIA kompliet tassisti diversi industriji u tippromwovi t-teknoloġija diġitali”.

Huwa temm billi rrefera għal dak li tħabbar ftit ilu, fejn intqal li mistenni li jsir aġġornament tal-istrateġija Nazzjonali tal-AI b’viżjoni li għandha twassal sal-2030.

Ekonomija

Sport