Saturday, May 4, 2024

MITT RUĦ: 6 atturi jinterpretaw ‘il fuq minn 20 karattru!

Produzzjoni Teatrali li se tittella’ fi Spazju Kreattiv nhar il-1, 2, 3, u 8, 9, 10 ta’ Diċembru

Aqra wkoll

Il-ħajja tagħna magħmula minn miljuni ta’ stejjer. Uħud sbieħ, uħud iebsin, uħud ikkumplikati. Eżatt bħan-nies f’ħajjitna. Ikun hemm min jidħol f’ħajjitna u ma jitlaq minnha qatt, u jkun hemm min jidħol għal ftit imma jħalli marka għal dejjem.

B’kitba u b’direzzjoni ta’ Victor Jacono, il-produzzjoni teatrali ġdida MITT RUĦ toħodna fuq vjaġġ eċitanti li jesplora proprju dan: kif il-ħajjiet ta’ karattri differenti xi kultant jitgħaqdu bejniethom bl-iktar mod mhux mistenni u kif ċertu stejjer ma’ jiltaqgħu qatt.

Id-dramm MITT RUĦ huwa mnebbaħ mill-ġabra ta’ mikrostejjer illustrati ta’ Ġorġ Mallia li ġġib l-istess titlu. Imma kif kienet it-triq biex minn ġabra ta’ 100 storja ta’ 100 karattru issa għandna dramm?

“Il-vjaġġ kien wieħed twil u eċċitanti,” qalilna Clive Piscopo, wieħed mill-produtturi. “Jiena u Victor Jacono għamilna sena u nofs naħdmu biex nagħtu esperjenza mill-isbaħ lill-udjenzi tagħna. L-ewwelnett hemm kast ta’ 6 atturi mill-aqwa li bejniethom se jinterpretaw 21 karattru differenti u, t-tieni, Jacono kiteb skript intelliġenti li minn banda se jeħodna f’xenarji immaġinarji u interessantissimi, u mill-banda l-oħra se jfakkarna f’ħajjitna mhux ħażin!”

Il-kast li qed jagħti l-ħajja lil ‘il fuq minn 20 karattru jinkludi lil Theresa Gauci, Peter Galea, Clint Chircop, Alison Abela, Kyle Mangani, u Alexia Micallef.

MITT RUĦ se jittella’ fil-1, 2, 3, u 8, 9, 10 ta’ Diċembru ġewwa Spazju Kreattiv u l-biljetti jistgħu jinxtraw minn www.kreattivita.org

MITT RUĦ hu kollaborazzjoni bejn Theatre Lab Malta u Victor Jacono. Dan il-proġett huwa megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti, u l-MCAST, u huwa parti mill-programm ta’ Spazju Kreattiv

Sport