Iċ-Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena se jirritornaw fil-Belt Valletta, b’lejl spettakolari b’mużika live, divertiment, u wirja grandjuża tan-nar fuq il-Port il-Kbir. Pjazza San Ġorġ se terġa’ sservi bħala ċ-ċentru tal-festivitajiet, u se tospita numru ta’ artisti Maltin u artisti internazzjonali.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr, “Lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta saret ċelebrazzjoni li tgħaqqad il-komunitajiet tagħna flimkien fil-qalba tal-kapitali tagħna. Dan l-avveniment juri t-talent li għandna f’Malta filwaqt li jilqa’ artisti internazzjonali li jgħinu biex il-lejla tkun aktar speċjali. Aħna kburin li nappoġġjaw ċelebrazzjonijiet li joħolqu ferħ, unità u esperjenza kulturali qawwija għall-pubbliku.”
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef stqarr, “Għal darb’oħra qed nilqgħu lil kulħadd fil-Belt Valletta għaċ-Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena. Dan huwa bla dubju l-akbar avveniment ta’ tmiem is-sena f’Malta. Inħeġġeġ lil kulħadd biex jingħaqad magħna fil-qalba tal-kapitali għal din iċ-ċelebrazzjoni spettakolari u fiż-żona tal-Port il-Kbir f’nofsillejl għall-aktar wirja impressjonanti tal-logħob tan-nar li qatt ippreżentajna. Din saret possibbli permezz tal-kollaborazzjoni tagħna mal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta. Ejjew nilqgħu l-2026 flimkien.”
Iċ-ċelebrazzjonijiet se jibdew b’wirja mill-kantant lokali Glen Vella flimkien mal-band tiegħu. Il-lejla se tkompli b’kunċert speċjali mill-Palace String Orchestra, li se jinkludi line-up ta’ artisti Maltin magħrufa, inklużi Aidan, Drakard, Denise, Gaia, Karin Duff, Keith Zammit Mintoff, u Klinsmann. Hekk kif joqrob nofsillejl, id-DJs Denzel Jo Armani u Wayne se jieħdu f’idejhom il-palk b’sett enerġetiku. Il-prestazzjoni tagħhom se tkun akkumpanjata minn effetti impressjonanti fuq il-palk u wirja sinkronizzata tal-logħob tan-nar, li se tixxandar ukoll dirett fuq it-televiżjoni lokali.
Mad-daqq ta’ nofsillejl, l-istilla internazzjonali John Newman se jkanta live biex jilqa’ s-sena l-ġdida. Huwa magħruf għal kanzunetti li laħqu l-ogħla post fil-klassifiki globali bħal “Love Me Again” u għal kollaborazzjonijiet ma’ artisti fosthom Calvin Harris fuq is-suċċess “Blame. Il-lejl se jikkonkludi b’sett mid-DJ Gabii.
Iċ-Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta huma organizzati minn G7 Events u appoġġjati mill-Ftehim ta’ Sħubija għal Avvenimenti u Inizjattivi fuq Skala Kbira pprovdut mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali. Dan l-avveniment huwa appoġġjat ukoll mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta u se jkun ippreżentat minn Jamie Cardona u Taryn Mamo Cefai.

