Tuesday, July 21, 2026
Home Sport Żewġ goals fi spazju ta’ tliet minuti jikkastigaw lil Hamrun Spartans

Żewġ goals fi spazju ta’ tliet minuti jikkastigaw lil Hamrun Spartans

0
36

Hamrun Spartans …….0

Shakhtar Donetsk ……2

Minn Cristian Muscat

Kellhom ikunu żewġ goals fi spazju ta’ tliet minuti f’nofs it-tieni taqsima li kkastigaw lil Hamrun Spartans u taw rebħa ta’ 2-0 lil Shakthar Donetsk fil-ħa­mes ġurnata tal-Fażi tal- Kampjonat tal-UEFA Conference League.

Kienu Shakhtar li ħolqu l-ewwel periklu fis-sitt minuta meta Yehor Na­zaryna mill-viċin kellu x-xutt tiegħu jistampa mal-wieqfa, iżda r-referee Ġermaniż, Badstuber, saffar għal offside.

Hamrun wieġbu fit-13-il minuta meta Joseph Mbong għadda tajjeb lejn N’Dri Koffi li kellu x-xutt mid-distanza jintemm ftit għoli.

Fit-22 minuta l-Ukreni appellaw għall-penalty me­ta Ryan Camenzuli deher iwaqqa’ lil Lucas Ferreira fil-kaxxa, iżda kien kollox normali għar-referee, tant, li ma kkonsultax il-VAR.

Huma komplew jiddettaw il-logħob u tliet minuti wara l-istess Ferreira evita l-markatura ta’ Camenzuli li kellu x-xutt fil-baxx jiġi devjat f’corner mill-goalkeeper ta’ Hamrun, Henry Bonello.

Fis-27 minuta, Shakhtar reġgħu heddew iżda Bonello kien providenzjali meta dawwar f’corner ix-xutt ta’ Nazaryna mid-distanza.

Hamrun irrispondew fl-40 minuta meta Mbong għadda lejn il-Kroat, Ante Coric, li kkontrolla tajjeb qabel venven xutt minn pożizzjoni angolata li gie mdawwar f’corner minn Luca Meirelles.

L-Ispartans komplew jippressaw u  fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, xutt fil-baxx ta’ Mbong ġie salvat bi tbatija mill-goalkeeper Ukren, Kiril Feshyn.

Fil-51 minuta, freekick ta’ Coric għal Hamrun ġie devjat f’corner mid-difiża Ukrena.

Erba’ minuti wara, Mbong, żmarkat għal kollox, għolla l-mira minn qagħda ideali.

L-Ukreni wieġbu fid-59 minuta meta s-sostitut Oleg Ocherenko daħal tajjeb bejn Bjelicic u Marcelina, iżda l-konklużjoni tiegħu spiċċa barra.

Minuta biss wara, Shak­h­tar fallew ċans tad-deheb lo jiftħu l-iskor meta Luca Meirelles mill-viċin ra lil Bo­nello jwettaq save kbir.

Iżda l-istess LUCA MEI­RELLES ma kellux jiġi mċaħ­ħad fil-61 minuta meta bir-ras ikkonnettja minn cross fuq ix-xellug bil-ballun jispiċċa fis-saqaf tax-xibka.

Tliet minuti wara, l-Ukreni rduppjaw meta ISAQUE  qab­beż il-ballun minn fuq Bonello għar-rokna tax-xibka.