Friday, November 15, 2024

Kollox lest għall-11-il edizzjoni tat-TeamSport Goalkeeper’s Battle

Aqra wkoll

Il-11-il edizzjoni tat-TeamSport Goalkeeper’s Battle se ssir nhar l-4 u l-5 ta’ Ġunju li ġej fil-ground tal-football ta’ San Ġwann FC. Għal darb’oħra dan l-avveniment se jkun orgnaizzat b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann bil-qligħ li jkun hemm li se jmur għall-fundazzjoni Zem Zem.

Din il-fundazzjoni hi għaqda volontarja li tassisti finanzjarjament lill-pazjenti li jbatu minn mard partikolari u li lokalment ma tantx jinstab trattament għalih.

Dan l-avveniment se jkun maqsum f’diversi kategoriji fosthom under 9, under 11, under 13, under 17, under 19, kbar u tfajliet.

Se jkun hemm massimu ta’ 32 goalkeeper f’kull kategorija u dawn se jkunu maqsuma fi tmien gruppi ta’ erba’ goalkeepers-il wieħed. L-ewwel żewġ goalkeepers minn kull grupp javvanza għall-fażi eliminatorja.

Kull logħba ddum żewġ minuti kull naħa filwaqt li l-partiti jiġu kkontrollati minn referees tal-MFA. It-trofej jingħataw għar-rebbieħa u għal dawk li jispiċċaw fit-tieni u t-tielet post f’kull kategorija.

Talk.mt kellem lil wieħed mill-organizzaturi Simon Grech li tana aktar dettalji dwar dan l-avveniment u fuq kollox l-opinjoni tiegħu fuq il-Goalkeeper’s Battle li sar appuntament annwali fil-kalendarju sportiv Malti.

“Din se tkun il-11-il-edizzjoni ta’ dan l-avveniment. Sa fl-aħħar se nerġgħu norganizzawh wara li kellna naqbżu sena minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Kulħadd qed jistenna l-4 u l-5 ta’ Ġunju sabiex inkomplu fuq dak li ħallejna fl-għaxar edizzjonijiet passati.”

Grech qalilna li l-pandemija fixklet xi ftit il-pjanijiet tal-organizzaturi u għalhekk ma setgħetx tingħata data speċifika qabel ma jkunu ċerti li jitneħħew ċerti restrizzjonijiet. Dan kellu impatt ukoll fuq il-parteċipanti barranin li ma setgħux jikkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom. 

Saqsejna lil Grech dwar kif raha dan l-avveniment jinbidel maż-żmien u l-entużjażmu li jkollhom sabiex sena wara l-oħra jkomplu jorganizzawh b’tant dedikazzjoni.

“Minn edizzjoni għal oħra rajna żieda fil-parteċipanti u sfortunatament kien biss f’dawn l-aħħar sentejn ta’ pandemija li naqqasna xi ftit. Fil-fatt sa ftit tas-snin ilu kellna wkoll ftit inqas minn 200 parteċipant li applika sabiex jieħu sehem f’dan il-logħob. Nemmen li biż-żmien nerġgħu nirritornaw għal dawk in-numri għax hi attivita’ li tkun imfittxija ħafna.”

Simon Grech li flimkien ma’ Mario Muscat jorganizzaw din il-Goalkeeper’s Battle qal li dan jagħmluh għal għan filantropiku speċjalment għal Zem Zem Foundation li tant jagħmlu ġid man-nies li għandhom xi marda partikolari.

Grech jisħaq li kemm ilha ssir din l-edizzjoni kien hemm diversi gowlkipers li llum il-ġurnata jilagħbu ma’ timijiet ewlenin fil-kampjonat Premier u Challenge.

Hekk kif fil-passat kien ukoll gowlkiper ma’ diversi timijiet lokali, saqsejna lil Grech dwar il-livell tal-gowlkipers f’pajjiżna. Żdied jew naqas dan il-livell?

“Jien ngħidlek li l-livell żdied mhux ħażin. Illum il-ġurnata l-klabbs qed jinvestu sew anke f’kowċ tal-gowlkipers. Dan iżid il-kwalita’ ta’ taħriġ li gowlkiper ikollu filwaqt li tiġi introdotta teknika ġdida li tagħmel ħafna ġid.”

“Irrid ngħid li għad baqa’ xi jsir sabiex verament naraw aktar titjib iżda nemmen li mexjin fit-triq it-tajba.”

Simon Grech qalilna li hu jiddiżinja t-trofej tar-rebbieħa u tal-parteċipanti u dejjem ikunu uniċi u li ftit issib bħalhom lokalment. Dan jagħmlu b’passjoni kbira għax verament jieħu gost li jkun parti minn din l-organizzazzjoni. Il-pjanijiet għall-futur huma ħafna hekk kif hemm il-ħsieb li jiżdiedu minn tnejn sa tliet trofej ġodda u saħansitra r-rebbieħa jista’ jkollhom iċ-ċans uniku li jirrappreżentaw lil Malta f’kompetizzjoni internazzjonali simili.

Tlabna lil Simon Grech sabiex iwassal l-aħħar messaġġ tiegħu dwar dan l-avveniment li hu ferm mistenni mal-goalkeepers lokali u barranin.

“It-Team Sport Goalkeper’s Battle hi ferm imfittxija forsi għax dak il-ħin jiġu ttestjati aħjar ir-riflessi tal-goalkeeper u l-ħiliet tiegħu f’dan l-isport.”

“Fuq kollox meta int tagħmel xi ħaġa li tħobb normalment tieħu sodisfazzjon doppju. Is-sodisfazzjon ikompli jiżdied meta min jipparteċipa jkun qed jgħin lil ħaddieħor u qed jagħmel ġest nobbli.”

Finalment l-applikazzjoni għall-Goalkeeper’s Battle jagħlqu nhar il-Ħadd 22 ta’ Mejju u dawk li jixtiequ japplikaw għandhom jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli għax il-postijiet huma limitati.

Ekonomija

Sport