Friday, November 22, 2024

Kollox lest għall-finali tant mistennija bejn l-Ingilterra u Spanja

Aqra wkoll

It-Tazza tad-Dinja tan-nisa se jkollha finali mill-isbaħ kollha Ewropea hekk kif l-Ingilterra taffaċċja lil Spanja fl-Australia Stadium fil-belt kapitali Sydney. 

The Lionesss ibbukjaw post f’din il-finali wara li rnexxielhom jirbħu lill-Awstralja f’semifinali mill-isbaħ li huma rebħu 3-1.  

Ella Toone poġġiet lill-Ingliżi minn fuq sabiex Sam Kerr ġabet l-iskor indaqs għall-Awstraljani.  

Madankollu ċ-champions renjanti Ewropej urew il-qawwa tagħhom b’Lauren Hemp u Alessia Russo li ssiġġillaw il-passaġġ tagħhom fl-att finali ta’ din il-kompetizzjoni tant importanti.  

L-avversarji tagħhom se jkunu Spanja li għalihom din se tkun l-ewwel okkażjoni li se jilagħbu fil-finali. Huma waslu s’hawn wara battalja fis-semifinali kontra l-favoriti l-Iżvezja li laħqet il-qofol lejn l-aħħar parti tal-logħba hekk kif kollox kien jidher li kienet se tispiċċa bil-ħin barrani.  

Wara li Salma Celeste poġġiet lil Spanja minn fuq, Rebecka Blomqvist ġabet l-iskor indaqs għall-Iżvezja sabiex fl-aħħar minuta qabel id-disgħin minuta, gowl drammatiku tal-captain Olga Carmona ta d-dritt tal-Ispanjoli li jaffaċċjaw lill-Ingliżi fil-finali.  

Iż-żewġ naħat kien ħaqqhom jaslu sa din il-finali wara fażi tal-gruppi impenjattiva ferm. 
L-Ingliżi kisbu punti massimi minn grupp D wara rebħiet kontra d-Danimarka, iċ-Ċina u l-Haiti.  

Minn hemm huma kkwalifikaw għar-rawnd ta’ 16 fejn irnexxielhom jeliminaw lin-Niġerja 4-2 wara l-għoti tal-penalties wara skor ta’ 0-0 fil-ħin regolamentari.  

Fil-kwarti tal-finali huma ltaqgħu kontra l-Kolumbja u kien hawn li rebħu 2-1 sabiex kif semmejna fil-fażi tal-aħħar erbgħa eliminaw lit-tim ospitu l-Awstralja.  

Min-naħa ta’ Spanja, dawn lagħbu fi grupp Ċ fejn spiċċaw fit-tieni post tal-klassifika wara l-leaders Ġappun. Huma kisbu rebħiet kontra Zambja u Kosta Rika li kienu biżżejjed sabiex joħodhom fir-rawnd tas-16 fejn hemmhekk beda l-aqwa tagħhom b’rebħa ta’ 5-1 kontra l-Iżvizzera.  

Fil-kwarti tal-finali, l-Ispanjoli eliminaw lill-Olanda 2-1 f’logħba mill-isbaħ qabel fl-aħħar mill-aħħar kellhom ix-xorti jgħaddu mis-semifinali għall-finali għas-spejjeż ta’ l-Iżvediżi. 
Din il-logħba hi ripetizzjoni tal-kwarti tal-finali li saret mill-kampjonat Ewropew mirbuħ mill-Ingliżi. Dakinhar l-iskor sa tmiem id-90 minuta kien 1-1 wara li Esther Gonzalez poġġiet lill-Ispanjoli minn fuq, Toone kienet ġabet l-iskor indaqs. Kien biss fil-ħin barrani li The Lionesses skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa minn Georgia Stanway.  

Hu veru li l-Ingliżi jibdew favoriti li jirbħu dan il-konfront għalkemm f’kumment li tat il-kowċ tal-Ingliżi Sarina Wiegman irrifjutat dawn it-tip ta’ paraguni għax taf li l-Ispanjoli jafu jqumu sew għall-okkażjoni.  

Sport