Bejn it-3 u t-12 ta’ Lulju, ġewwa l-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, l-ikbar pulmun aħdar fil-pajjiż, se tkun qiegħda tittella’ t-43 edizzjoni tal-Farsons Beer Festival 2025, avveniment annwali li jattira għexieren ta’ eluf ta’ Maltin u turisti.
Lejliet il-ftuħ uffiċjali ta’ dan il-festival, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, flimkien mal-Kap tal-Unit tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali Jason Micallef u l-organizzaturi, żar l-aħħar preparamenti hekk kif għada filgħaxija jingħata bidu għal dan il-festival popolari.
Steve Borg, responsabbli mit-tmexxija tal-organizzazzjoni tal-festival, spjega kif il-Beer Festival huwa maħsub u ppjanat għall-familja kollha b’varjetà ta’ attivitajiet għal kulħadd kif ukoll żona fejn it-tfal ikunu jistgħu jilagħbu.
Matul dawn id-disat ijiem, dawk kollha li se jżuru dan il-festival se jkunu qegħdin igawdu minn spettaklu ta’ mużika u firxa wiesgħa ta’ divertiment għal kulħadd.