Saturday, December 21, 2024

Kollox lest għat-tournament Visit Malta Women’s Trophy

Aqra wkoll

Il-Moldova u l-Marokk huma t-timijiet mistiedna għat-tieni edizzjoni tal-Visit Malta Women’s Trophy li se ssir bejn is-16 u t-22 ta’ dan ix-xahar f’Tony Bezzina Sta­dium, f’Kordin.

Id-dettalj ta’ dan it-tournament ingħataw waqt konferenza stampa ndirizzata mill-coach tat-team nazzjonali Malti tan-nisa, Mark Gatt, u l-player, Shona Zammit.

Malta tinsab tokkupa l-95 post fir-rankings tal-FIFA u se tkun qed tuża dan it-tournament biex tipprepara għaż-żewġ partiti li fadal mill-grupp ta’ kwa­lifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja, kontra r-Russja u d-Danimarka, f’darna f’April li ġej.

Min-naħa tagħhom il-Moldova jinsabu fil-100 post u se jkunu huma l-ewwel avversarji ta’ Malta fil-logħba inawgurali.

Il-Marokk bħalissa huma rrankjati fit-78 post u f’dawn l-aħħar snin tjiebu ħafna fil-livell tagħhom. Huma se jużaw dan it-tournament bħala preparazzjoni għat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani li se ssir f’pajjiżhom fis-sajf li ġej. 

Il-coach Gatt beda biex irringrazzja lil MFA Sports Plus li qed torganizza dan it-tournament għat-tieni darba fejn minkejja l-problemi kollha relatati mal-pandemija tal-Covid-19, xorta waħda rnexxielhom jagħmlu din it-tieni edizzjoni possibbli. 

Huwa fisser dan it-tournament bħala wieħed importanti ħafna minħabba li qed ikun ta’ pubbliċitá mhux biss turistika iżda wkoll fuq livell kompetittiv, iżomm lill- players Maltin attivi u jilagħbu kontra avversarji li jagħtu sfida.

Gatt, li jinsab partita ‘il bogħod milli jilħaq ir-rekord ta’ 59 logħba li kellu l-ex coach Pierre Brincat, sostna li hu ta’ sodisfazzjon li bosta players Maltin qed jilagħbu barra minn xtutna għax dan qed itejjeb il-livell tagħhom u fuq kollox it-team naz­zjonali jibbenefika minn dan kollu. 

 “Sadanittant f’dawn il-partiti se nippruvaw nuru fil-ground dak li tgħallimna f’dawn l-aħħar xhur u nkomplu fuq it-tajjeb li diġá kellna.”

“Ninsab fiduċjuż li l-football tan-nisa se jkompli jikber għalkemm ix-xogħol li beda dan l-aħħar irid ikompli biex l-istruttura li fassalna tibqa għaddejja bla heda.”

Tkellmet ukoll il-midfielder ta’ Swieqi United, Shona Zammit, li fil-partita li jmiss se tkun qed tilgħab is-60 logħba tagħha bil-flokk ta’ pajjiżna.

Hija sostniet li n-numru ta’ players femminili kiber f’dan l-aħħar żmien u għalhekk post fl-ewwel ħdax issa m’għadux aktar ċert.

“Fil-passat, kienet kważi normali li jilagħbu l-istess uċuh mat-team nazzjonali Malti anke għax ma kienx hemm biżżejjed players. Illum kompetiz­zjoni li jien insej­ħilha sana u li b’hekk kulħadd irid jiġġieled għal postu. Dan joħloq impenn min-naħa tagħna biex nibqgħu nkunu fl-aħjar livell possibbli.”

Kemm il-Moldova kif ukoll il-Marokk se jkunu qed jiltaqgħu għall-ewwel darba kontra Malta.

Finalment il-coach nazzjonali ħabbar l-iskwadra ta’ 22 player li tinkludi l-aqwa elementi possibbli bi players li jilagħbu wkoll barra minn xtutna. Hu m’għandu l-ebda problemi partikolari ta’ players imweġġgħin ħlief l-kundizzjoni fiżika tal- goalkeeper Janice Xuereb u li għalhekk ma ġietx imsejħa.

L-iskwadra hija:

Goalkeepers: Patricia Ebejer (Mgarr U.), Maya Cachia (Crotone – Italja). 

Difensuri: Leanne Cefai, Maia Debono (Mgarr U.), Jessica Dimech, Jade Flask, Jade Schembri (Swieqi U.), Stephania Farrugia, Alishia Sultana, Charlene Zammit (Birkirkara), Nicole Sciberras (Tavagnacco – Italja). 

Midfielders: Rachel Cuschieri (Lazio – Italja), Emma Lipman (Como Women – Italja), Maria Farrugia (Sunderland Ladies – Ingilterra), Ann-Marie Said (Birkirkara), Dorianne Theuma, Emma Xuereb, Shona Zammit (Swieqi U.). 

 Attakkanti: Brenda Borg, Francesca Chircop (Mgarr U.), Haley Bugeja (Sassuolo – Italja), Ylenia Carabott (Keynsham Town Ladies – Ingilterra). 

Ekonomija

Sport