Il-militar fil-pajjiż tan-Niġer fl-Afrika tal-Punent ħataf il-pajjiż f’idejh f’kolp ta’ stat li neħħa mill-poter lill-president Mohamed Bazoum. Fil-fatt Bazoum ilu miżmum minn truppi mill-Gwardja Presidenzjali mill-bidu ta’ nhar l-Erbgħa li għadda.
Il-kolp ta’ stat tħabbar mis-suldati stess fuq l-istazzjoni televiżiv nazzjonali. Huma qalu li xoljew il-kostituzzjoni, issospendew l-istituzzjonijiet kollha u għalqu l-fruntieri tal-pajjiż.
Il-President Bazoum kien imwiegħed l-appoġġ bla waqfien ta’ Washington f’messaġġ mis-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken. Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) Antonio Guterres ukoll tkellem mal-president Bazoum u offra l-appoġġ sħiħ tan-NU.
In-Niġer esperjenza erba’ kolpi ta’ stat mill-indipendenza minn Franza fl-1960, kif ukoll bosta attentati oħra ta’ kolp ta’ stat. L-eks President Bazoum, li kien elett demokratikament fl-2021, huwa alleat mill-qrib ta’ Franza u ta’ nazzjonijiet oħra tal-Punent. Huwa alleat ewlieni tal-Punent fil-ġlieda kontra l-militanza Iżlamista fl-Afrika tal-Punent.
Żewġ pajjiżi oħra ġirien, il-Mali u l-Burkina Faso, esperjenzaw ukoll kolp ta’ stat ikkawżat minn rewwixti jiħadisti f’dawn l-aħħar snin.
Fejn jinsab l-eks president Bazoum mhuwiex ċar iżda fi stqarrija fuq il-pjattaforma tal-midja soċjali Twitter nhar il-Ħamis filgħodu, huwa qal lin-Niġerjani li jħobbu d-demokrazija illi dak kollu li l-pajjiż kiseb se jiġi salvagwardjat.
Fit-tħabbira fuq it-TV nhar l-Erbgħa, l-kurunell maġġur Amadou Abdramane, flimkien ma’ disa’ suldati oħra bl-uniformi warajh, qal li l-forzi tad-difiża u tas-sigurtà rnexxielhom iwaqqfu lir-reġim.
Qal ukoll li l-istituzzjonijiet kollha tal-pajjiż ġew sospiżi u li l-kapijiet tal-ministeri se jieħdu ħsieb ix-xogħol ta’ kuljum. Huwa wissa lill-imsieħba esterni kollha biex ma jindaħlux u kompla qal li l-fruntieri tal-art u tal-ajru ingħalqu sakemm is-sitwazzjoni tkun stabbilizzata.
Wara l-kolp ta’ stat daħal fis-seħħ curfew bil-lejl bejn l-għaxra ta’ filgħaxija u l-5:00 ta’ filgħodu ħin lokali.
Ingħad li s-suldati kienu qed jaġixxu għall-Kunsill Nazzjonali għas-Salvagwardja tal-Patrija (CNSP). Wara t-tħabbira televiżiva tas-suldati, is-Segretarju tal-Istat Amerikan Blinken talab għall-ħelsien tal-President Bazoum.
L-inkwiet fin-Niġer kompla żied mal-ansjetà eżistenti tal-Punent dwar l-operazzjonijiet tal-grupp merċenrju Russu Wagner u l-instabilità tar-reġjun tas-Saħel.
Il-blokk ekonomiku tal-Afrika tal-Punent Ecowas ikkundanna bl-aktar mod qawwi l-attentat biex il-poter jittieħed bil-forza fin-Niġer. F’isem l-Ecowas, il-President tal-Benin, Patrice Talon wasal fil-kapitali Niamey f’missjoni ta’ medjazzjoni.
Huwa qal li se juża kull mezz, jekk ikun meħtieġ biex terġa’ tiġi restawrata l-ordni kostituzzjonali fin-Niġer, iżda l-ideal ikun li kollox isir fil-paċi u l-armonija. Aktar kmieni l-Erbgħa, folol f’Niamey niżlu fit-toroq b’appoġġ għall-eks president Bazoum tant li forzi armati ħafna leali lejn il-president ġew stazzjonati madwar ix-xandar nazzjonali.
Il-belt kienet fil-biċċa l-kbira paċifika, għalkemm suldati wara l-kolp ta’ stat sparaw tiri biex ikissru l-protesti li jinvolvu ġiħadisti bbażati fil-grigal tan-Niġerja. Gruppi militanti alleati kemm mal-al-Qaeda kif ukoll mal-Istat Iżlamiku huma attivi fil-pajjiż.