Tuesday, May 14, 2024

Mistenni spettaklu mill-isbaħ fil-festa ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid

Aqra wkoll

Is-Soċjetà Filarmonika Granmastru Fra Antoine de Paule Banda Kristu Re ġiet imwaqqfa f’Ġunju tal-1898. Din is-Soċjeta kien xieraq li tiġi msemmija għall-Gran Mastru li bena raħal twelidha, Antoine de Paule, u iktar riċenti, fl-1993, il-Banda tal-istess Soċjeta ġiet ddedikata lill-patrun tal-Parroċċa – Kristu Re. 

Din il-banda llum hija waħda rinomata f’pajjiżna u wkoll barra minn xtutna. Minbarra d-diversi okkażjonijiet prestiġjużi u kunċerti memorabbli li ħadet sehem fihom, il-Banda Kristu Re daqqet ukoll f’diversi pajjiżi oħra.

Il-Banda rebħet diversi unuri prestigjużi bis-soċjeta li llum il-ġurnata tinvolvi ruħha f’diversi inizjattivi kulturali oħra. Is-sede tas-Soċjeta jinsab fiċ-ċentru tar-Raħal proprju f’numru 120 Pjazza Antoine De Paule, eżatt faċċata tat-tempju maestuż dedikat lil Kristu Re.

Għall-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa s-Soċjeta De Paule tkun attiva ferm kemm permezz tal-Banda kif ukoll permezz ta’ attivitajiet oħra. U proprju hekk kif ninsabu fil-ġimgħa tal-festa ta’ Kristu Re, aħna tkellimna ma’ membru attiv fi ħdan din is-soċjeta’ Ryan Grima li tana aktar dettalji dwar x’qed jippreparaw għall-ispettaklu tan-nar ta’ nhar il-Ġimgħa li ġej, ġurnata fejn tradizzjonalment jinġabru diversi Pawlisti u anke dilettanti tal-festa sabiex jitpaxxew b’din il-festa tant sabiħa.

“Nhar il-Ġimgħa li ġej kull min se jkun f’Raħal Ġdid se jkun jista’ jara tapit uniku li fih madwar 300 metru ta’ dawl LED li se jkun ikkumplimentat bil-mużika sinkronizzata mal-logħob tan-nar.”

“Wara li s-sena l-oħra konna għamilna speċi ta’ esperiment li rnexxa, din is-sena ridna nkabbru fuq dak li għamilna iktar u iktar għax bħala soċjeta’ se nkunu qed niċċelebraw l-125 sena mit-twaqqif tagħha kif ukoll il-25 sena mill-istatwa tat-titular ta’ Kristu Re. Għalhekk bix-xieraq li nagħmlu xi ħaġa speċjali fl-okkażjoni ta’ dawn l-anniversarji hekk importanti.”

Saqsejna lil Grima dwar l-aspett tal-festi Maltin illum il-ġurnata. Kemm qed jikbru u jsiru popolari? “Jien qed nara li wara dawk is-sentejn fejn ma kellniex festi minħabba l-pandemija tal-COVID-19, in-nies iktar qed tikkonkorri bi ħġarha sabiex tieħu sehem fil-festa. Qed nara li l-konkorrenza qed dejjem tikber u dan jawgura tajjeb għall-ġejjieni.”

Finalment Ryan Grima ħeġġeġ lin-nies sabiex nhar il-Ġimgħa li ġej jiġu fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid sabiex igawdu mill-ispettaklu tan-nar li għandu jkun wieħed uniku.”

Sport