Monday, December 29, 2025

“Kommessi li naħdmu mal-entitajiet konċernati sabiex dan il-proġett jitwettaq”

- is-Sindku ta’ Pembroke Kaylon Zammit dwar il-proġett tal-White Rocks

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-ġimgħat li għaddew, il-Gvern tellaq il-proċess sabiex il-pubbliku jkun jista’ jagħti l-opinjonijiet tiegħu dwar tliet parks nazzjonali ġodda f’pajjiżna. Wieħed minn dawn se jkun il-proġett tal-White Rocks, fejn il-konsultazzjoni bdiet proprju mat-tfal u ż-żgħażagħ hekk kif huma se jkunu fost dawk li se jgawdu minn dawn l-ispazji miftuħa u għalhekk il-Gvern ried li jisma’ mingħandhom dwar kif għandhom jinbidlu postijiet bħal dawn f’parks nazzjonali.

Dan il-ġurnal tkellem mas-Sindku ta’ Pembroke Kaylon Zammit li qalilna li bla dubju, l-ispazji miftuħa għandhom fuq kollox jitgawdew mit-tfal u għaldaqstant jemmen li kien pass naturali li l-konsultazzjoni pubblika dwar il-proġett tal-park nazzjonali fil-White Rocks tiftaħ bit-tfal. 

Fi kliem Zammit, dan il-proċess ta’ konsultazzjoni huwa ferm importanti, għaliex huwa mument fejn wieħed jisma’ l-ideat diversi sabiex il-proġett finali jkun aktar attraenti u, fl-aħħar mill-aħħar, jitgawda minn ammont akbar ta’ familji.

Bħala Sindku ta’ Pembroke, huwa qal li jħares ’il quddiem li dan il-proġett ambizzjuż u kuraġġuż jitwettaq fit-totalità tiegħu, sabiex il-ħolma tiegħu u dik tar-residenti ssir realtà. “Bħala Kunsill Lokali kommessi li nxammru l-kmiem u naħdmu flimkien mal-entitajiet konċernati sabiex dan il-proġett jitwettaq.”

Fost l-ideat li t-tfal ressqu ’l quddiem kien hemm li fil-Park Nazzjonali tal-White Rocks jinħolqu faċilitajiet sportivi bħall-basketball court u skatepark kif ukoll postijiet fejn jiġi pprattikat sport u logħob tradizzjonali bħall-boċċi u passju. Dan filwaqt li l-Park Nazzjonali għandu jinkludi żoni ddedikati għat-tfal bl-awtiżmu u aċċessibilità xierqa għall-persuni b’diżabilità. 

Studenti oħra semmew il-ħtieġa li l-White Rocks ikollu faċilitat għall-picnics u żoni għall-annimali domestiċi, b’emfasi fuq il-konservazzjoni tal-flora u fawna naturali u l-ħarsien ta’ insetti u pjanti indiġeni, proġett agrikolu għat-tkabbir ta’ ħaxix frisk u  mużewijiet ta’ kultura fil-binjiet eżistenti.

Il-White Rocks hu post b’daqs ta’ 369,000 metru kwadru, jiġifieri d-daqs ta’ 53 ground tal-football, li sa ftit taż-żmien ilu kien maħsub li jiġi żviluppat u allura jinbena. Il-Gvern se jkun qed jirtira s-sejħa pubblika għall-iżvilupp tal-White Rocks, sabiex minflok isir park nazzjonali għat-tgawdija tan-nies.

Fil-konsultazzjoni li għaddejja dwar il-White Rocks f’Pembroke, diġà ġew involuti studenti minn tliet skejjel u anke r-Reġjun Lvant flimkien ma’ wħud mil-lokalitajiet tal-madwar. Barra minn hekk, żgħażagħ mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, l-organizzazzjoni studentesta SACES u l-Youth Advisory Forum iltaqgħu wkoll mal-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u ċ-Chief Operations Officer ta’ Project Green, il-Perit Beverley Costa, sabiex flimkien jiddiskutu proposti ta’ kif il-White Rocks jista’ jinhidel f’park nazzjonali. Din il-laqgħa kienet waħda minn sensiela ta’ laqgħat li qed jiġu organizzati bit-tema “Shape Your Space”.

White Rocks huwa wieħed minn tliet siti li l-Gvern qal li se jkunu qegħdin isiru parks nazzjonali. It-tnejn l-oħra huma Fort Campbell fil-Mellieħa u Manoel Island fil-Gżira. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport