Tuesday, March 4, 2025

KOMPETENZA

Aqra wkoll

Bħala pajjiż, li aħna ċkejkna jaffettwa kif il-barrnin u l-gvernijiet tagħhom iħarsu lejna. Hi ħaġa naturali li aħna ta’ spiss nipprovaw ninjoraw jew niċħdu. Niftakar kemm kienu jixxenaw il-protagonisti tal-PN meta kont għedt li b’Malta fl-Unjoni Ewropea konna se nkunu bħal makku fl-istess banju mal-balieni. Imma hekk aħna.

L-argument li Roberta Metsola “laħqet” President tal-Parlament Ewropew ma jiċħad xejn minn dir-realtà. Qiegħda hemm bil-merti personali u bis-snajja politiċi ta’ manuvrar li għandha. Pajjiż ċkejken bħal tagħna, il-Lussemburgu, kellu lil Jean Claude Juncker bħala l-President tal-Kummissjoni Ewropea, barra minn qablu, Gaston Thorn u Jacques Santer. Bihom, dak il-pajjiż ċkejken ma ggwadanja l-ebda influwenza jew vantaġġ aqwa minn dik li l-qagħda naturali tiegħu tagħtih.

Pajjiż ċkejken isostni u jsaħħaħ ir-reputazzjoni tiegħu b’mod li jgawdi stima aqwa minn x’jirrifletti ċ-ċokon tiegħu billi juri kompetenza – fid-demokrazija li biha hu mmexxi; fil-progress ekonomiku; fil-ġustizzja soċjali; u fil-ħarsien ambjentali.

INKJESTI

Il-kontroversja dwar ir-riforma fil-mod kif jiġu organizzati l-inkjesti maġisterjali baqgħet għaddejja. Niddubita kemm qed tqajjem interess fost iċ-ċittadini in ġenerali. Dan ma jfissirx li l-punti li jitqajmu matulha mhumiex importanti.

Li jiskantani hu kif anke jekk wieħed ikun qed joħroġ barra mis-suġġett, meta jiġu diskussi l-inkjesti maġisterjali ma jissemma xejn (?) dwar l-inkjesti “normali” fejn tiġri xi ħaġa stramba. Meta pereżempju, tiġri xi traġedja tat-traffiku b’mewt fit-toroq tagħna, u tinfetaħ inkjesta maġisterjali: sakemm din tintemm mid-dehra, qrabat il-vittma jinżammu sajma għal kollox minn kull tagħrif dwar xinhu jiġri tassew u jekk humiex se jittieħdu passi. Metodu bħal dan donnu mfassal biex joħloq l-akbar piena għall-qrabat tal-vittma.

Il-proposti attwali jipprovdu b’xi mod biex ikun hemm bidla legalment aċċettabbli, talanqas biex dawn il-qraba jinżammu aġġornati aħjar dwar kif l-imwiet tal-għeżież tagħhom qed jiġu investigati?

TRAFFIKU

Il-mod kif espanda t-traffiku fl-aħħar snin wassal kif wieħed seta’ jistenna f’żieda ta’ aċċidenti, uħud minnhom fatali. Awtomatikament uħud jemmnu li l-ħtija tkun ta’ sewwieqa ta’ karozzi li bil-Malti, taqbżilhom jew jabbużaw. Hemm minnhom żgur.

Biss il-problema ta’ wisq traffiku nfirxet wisq. Fl-istorja jidħlu karozzi tal-linja, inġenji industrijali u tal-bini, muturi, roti u persuni li jimxu mat-toroq. Ilkoll qed ikollhom jaffaċċjaw sfidi differenti minħabba t-traffiku dejjem jiżdied. Biex ma nsemmux ix-xogħlijiet publiċi u l-binjiet privati li jkomplu joħolqu l-konġestjoni. Żbalji qed isiru minn kulħadd. U bilfors fiċ-ċirkostanzi attwali.

Hemm bżonn ta’ aktar kontrolli u attenzjoni biex is-setturi kollha li għandhom xi impatt fuq it-traffiku iġibu ruħhom skont il-qies.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport