Prinċipju sagrosant u assolut tas-suq ħieles hija l-kompetizzjoni. Din tinfluwenza l-prezz, l-għażla u s-servizz ta’ kommodità. Il-kompetizzjoni hija ta’ benefiċċju għall-konsumaturi għaliex suppost iżżomm il-prezzijiet baxxi filwaqt li tgħolli l-kwalità u l-għażla ta’ oġġetti u servizzi. Ir-raġuni għal dan hija li bil-kompetizzjoni, ikun hemm ftit li xejn ippjanar ċentrali tal-ekonomija.
F’pajjiżna, l-ekonomija tagħna hija dik tas-suq ħieles u allura bbażata fuq il-kompetizzjoni u wkoll għax aħna stat membru tal-Unjoni Ewropea aħna marbutin bit-trattati tas-suq uniku. F’dan il-kuntest il-gvern ma jistax u m’għandux is-setgħa li jintervjeni biex jikkontrolla l-prezzijiet.
M’aħniex ngħidu li aħna b’xi mod favur il-kontroll tal-prezzijiet. Dak iż-żmien ilu li għadda u spiċċa. Iżda lanqas aħna favur l-għoli bla rażan tal-prezzijiet. U hawn allura tidħol il-mistoqsija ta’ kemm il-kompetizzjoni verament hija strument li bih jorħsu l-prezzijiet tal-oġġetti u s-servvizzi għall-konsumatur.
Kollu minnu li xi drabi jinħolqu sitwazzjonijiet li jwasslu biex il-prezzijiet ma jibqgħux stabbli u jibdew jogħlew. Iktar u iktar meta pajjiżna jimporta kważi kollox biex jgħix. Dan il-fatt ħadd u xejn ma jista jikkontrollah u la darba jogħlew il-prezzijiet ta’ dak kollu li nimpurtaw, il-prezzijiet jogħlew ukoll f’pajjiżna.
F’dawn l-aħħar xhur l-ikbar inkwiet għall-familji Maltin kien l-għoli bla rażan tal-prezzijiet. Jekk is-suq se jkompli jitħalla jsuq u xi negozji jibqgħu kapriċċjożament japprofittaw minn dan u jgħollu l-prezzijiet artifċjalment, kemm iridu u meta jridu huma, is-sitwazzjoni se tkompli tkun waħda ta’ tbatija bla bżonn għal ħafna familji li qed li qed jitħabtu biex ilaħħqu mal-ispejjeż ta’ kuljum.
Dan kollu qed isir minkejja l-miljuni ta’ ewro li l-Gvern qed joħroġ f’sussidji biex il-prezzijiet jibqgħu stabbli u ma jogħlewx. Minn dan is-sussidju, partikolarment fuq il-prodotti tal-enerġija, mhux biss il-familji qed igawdu imma anki n-negozji.
Għalhekk, huwa ta’ min japprezza l-fatt li l-Gvern Laburista baqa’ jżomm sod quddiem l-appelli kemm tal-Fond Monetarju Dinji kif ukoll tal-Kummissjoni Ewropea biex jibda jnaqqas gradwaljent is-sussidji fuq il-prezz tal-enerġija. Kieku l-Gvern sema minn dawn iż-żewġ enitajiet, kieku t-tbatija tal-poplu hija ferm u ferm ikbar.
Hija ħasra iżda li dak li qed jiġri llum, minkejja kull sostenn mill-Gvern, il-prezzijiet għadhom jogħlew b’mod mgħaġġel u inġust u qed inawru mhux biss il-kompetittività ta’ pajjiżna imma wkoll il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin Għawxin.
F’dan is-sens ma nistgħux ma nerġgħux nappellaw għall-prudenza min-naħa tan-negozji li għandhom jifhmu wkoll li aktar ma jogħlew il-prezzijiet aktar se jkunu huma li finalment ibatu l-konsegwenzi, għaliex jekk il-familji jonqsulhom il-flus mill-but, bla dubju jnaqqsu l-konsum u dan ikun ifisser li n-negozji jonqsilhom il-bejgħ u allura l-profitt.