Saturday, May 18, 2024

Waterpolo: Illum Malta tilgħab kontra l-Italja fit-t’ment tal-Milied

Aqra wkoll

Mil-lum sa nhar is-Sibt l-ASA se torganizza tournament internazzjonali ta’ lussu bl-istedina li fih Malta se tieħu sehem flimkien ma’ tliet pajjiżi ta’ isem li huma l-Italja, Franza u l-Olanda.

Dan se jsir fil-Pixxina Olimpika ta’ taħt is-saqaf li ġiet inawgurata ftit tal-ġimgħat ilu fil-Kottonera. 

Il-pixxina hija msaħħna u dan huwa importanti biex il-logħob ikun jista’ jintlagħab matul is-sena kollha.

Bla dubju t-team Malti mmexxi mill-coach, Milan Cirovic, ma jistax ikollu preparaz­zjoni aħjar għall-impenji li se jkollu fil-LEN European Championship li se jsir ix-xahar id-dieħel f’Dubrovnik u Zagreb fil-Kroazja, mill-5 sat-13 ta’ Jannar.

Barra minn hekk it-team diġá kellu aktar preparazzjoni adekwata meta taħt l-isem ta’ Valletta ħa sehem fil-LEN Challenger Cup fejn wasal sal-kwarti-finali, iżda ġie elimi­nat minn Galatasaray tat-Turkija b’aggregate ta’ 25-17 (10-6 u 15-11).

L-avversarji tal-Maltin fl-ewwel ġurnata huma l-Italja, li minkejja li m’għadhomx tal-istess kalibru ta’ dak it-team magħruf bħala Settebello, xorta baqa’ fost l-aqwa fl-Ewropa.

Malta u l-Italja se jinawguwaw it-tournament meta jiltaqgħu fis-6.00 pm waqt li warajhom jidħlu fl-azzjoni l-Olanda u Franza li jibdew fit-7.45 pm.

Imbagħad għada l-Ġimgħa, Malta tiltaqa’ kontra Franza, li wkoll huma forza fil-livell Ewropej fejn għal darb’oħra l-logħba tibda fis-6.00 pm u wara ssir il-logħba Italja kontra l-Olanda fit-7.45 pm.

Anke fl-aħħar ġurnata, nhar is-Sibt, il- Maltin jibdew fis-6.00 pm kontra l-Olanda bl-aħħar logħba tibda fit-7.45 pm u tkun bejn l-Italja u Franza li tista’ tiddeċiedi r-rebbieħ tat-tournament.

Sport