Il-bieraħ intlagħab l-ewwel leg tal-kwarti-finali tal-UEFA Europa League u tal-UEFA Conference League, fejn kollox għadu miftuħ beraħ fiż-żewġ kompetizzjonijiet.
EUROPA LEAGUE
Eintracht Frankfurt u Barcelona spiċċaw fi draw ta’ 1-1. Kien Ansgar Knauff (48) li fetaħ l-iskor għal Eintracht iżda Ferran Torres (66) kiseb id-draw għall-Katalani.
F’partita bilanċjata, Leipizig u Atalanta spiċċaw fi draw ta’ 1-1. Kien Luis Muriel (17) li fetaħ l-iskor għall-Bergamaschi iżda Leipzig kisbu d-draw minn auto-goal ta’ Davide Zappacosta (58) wara li Andre Silva falla penalty.
Braga ospitaw lil Rangers u għelbuhom bl-iskor ta’ 1-0 bl-uniku goal tal-partita jasal minn Abel Ruiz ħames minuti minn tmiem l-ewwel taqsima.
F’partita bilanċjata, West Ham u Lyon temmew fi draw ta’ 1-1. Il-Hammers fetħu l-iskor minn Jarrod Bowen (52). Iżda Tanguy Ndombele (66) wieġeb għall-Franċiżi. Eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima, il-Hammers spiċċaw jilagħbu bi player inqas meta tkeċċa Aaron Cresswell (45) għal karta ħamra diretta meta kkommetta foul professjonali.
CONFERENCE LEAGUE
Bodo Glimt dawru telfa f’rebħa ta’ 2-1 fuq Roma b’goals jaslu minn Brice Wembangomo (56) u Hugo Vetlesen (89) wara li Lorenzo Pellegrini (43) fetaħ l-iskor għall-Giallorossi.
Marseille għelbu lil PAOK bl-iskor ta’ 2-1 bl- iskorers ikunu Gerson (13) u Dimitri Payet (45) filwaqt li Omar El Kaddouri (48) wieġeb għall-Griegi.
Leicester u PSV Eindhoven kienet l-unika partita li spiċċat mingħajr goals.
Feyenoord u Slavia Prague temmew fi draw ta’ 3-3. Luis Sinisterra (10), Marcos Senesi (74), Orkun Kocku (86) skorjaw għall-Olandiżi filwaqt li Peter Olayinka (41), Yira Sor (67) u Ibrahim Traore (92) wieġbu għal Slavia.