Monday, November 4, 2024

“Komplew jogħlew il-livelli ta’ wieħed x’jistenna fil-ħajja pubblika”

- Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

Hekk kif intemmet il-laqgħa konġunta bejn l-Eżekuttiv u l-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Robert Abela qal li bid-deċiżjoni tal-lum komplew jgħolew ‘il fuq il-livelli ta’ wieħed x’jistenna meta jkun fil-ħajja pubblika.

Il-Mexxej Laburista qal li dwar Rosianne Cutajar illum fl-eżekuttiv ma saret l-ebda diskussjoni minħabba li kienet hi li rriżenjat b’mod volontarju.

Dr Abela qal li l-messaġġ li ngħata mill-bidu nett kien li dawn il-messaġġi ġew ippubblikati b’mod kattiv u f’mument strateġiku fil-ħajja ta’ Rosianne Cutajar. Il-Prim Ministru sostna li hu mill-ewwel ikundannat li dawn iċ-chats jiġu ppubblikati aktar u aktar meta jmorru kontra digriet ta’ Qorti.

Fl-istess waqt il-Mexxej Laburista qal li “iżda l-kontenut tal-messaġġi wieħed ma jistax jinjorah”. Dr Abela qal li kemm ilu li beda jmexxi l-pajjiż bħala Prim Ministru rraġna ħafna affarijiet mill-iżbalji li kienu saru fil-passat.

Waqt li kien qed iwieġeb lill-ġurnalisti barra l-Kwartieri tal-Partit Laburista fil-Ħamrun, il-Prim Ministru qal li ilejla waqt il-laqgħa tal-Eżekuttiv hu reġa’ għadda messaġġ ċar ħafna li jrid id-dixxiplina u s-serjetà l-aktar minn dawk li huma eletti mill-poplu u aktar u aktar minn dawk li jmexxu l-pajjiż.

Il-Prim Ministru eskluda li Rosianne Cutajar terġa’ tkun kandidata f’isem il-Partit Laburista.

Sport