Il-Prim Ministru Robert Abela akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield u mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, żar l-iskwadra tal-Pulizija ddedikata għal Paceville, fejn iltaqa’ ma’ uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija li ta’ kuljum jaħdmu biex isaħħu l-preżenza, ż-żamma tal-ordni pubblika u s-sigurtà f’żoni l-aktar ta’ sfida, b’mod partikolari matul ix-xhur tas-sajf.
Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern se jibqa’ jinvesti f’aktar preżenza, riżorsi meħtieġa sabiex Malta tibqa’ pajjiż sigur. Qal li mill-esperjenzi tal-Maltin u l-Għawdxin irridu nkomplu naraw li f’pajjiżna kulħadd għandu jgħix f’rispett lejn xulxin u biż-żamma tal-bon ordni. Spjega li t-turisti li jżuru Malta għandhom igawdu s-sabiħ ta’ pajjiżna u jirreċiprokaw rispett lejn iċ-ċittadini Maltin u rrimarka li xogħol din l-iskwadra hu wieħed importanti f’dan l-aspett. Dr Abela rrimarka li din miżura oħra mwettqa fil-programm ta’ ħidma tal-Gvern u rringrazzja lill-uffiċjali f’din l-iskwadra li qed jaqdu funzjoni kruċjali favur komunitajiet dejjem aktar siguri.
Din l-iskwadra bdiet taħdem uffiċjalment minn Mejju u tikkonsisti minn tlieta u għoxrin kuntistabbli u tmien surġenti, jiġifieri wieħed u tletin uffiċċjal b’kollox. L-għan ewlieni tal-iskwadra huwa li tiżgura s-sigurtà fl-inħawi u ta’ kull min jgħix jew iżur iż-żona billi tuża metodi ta’ policing aktar moderni u adattati għal lokal. Biex isir dan, il-korp jaħdem id f’id ma’ entitajiet oħra bħall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (l-MTA), it-Towncentre Management, kif ukoll ma’ dipartimenti oħra tal-Korp tal-Pulizija bħas-sezzjoni tal-immigrazzjoni u dik ta’ kontra d-droga.
Din il-ħidma tikkumplimenta bi sħiħ ix-xogħol li qed jitwettaq mill-Pulizija tal-Komunità f’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż fosthom is-Swieqi, San Ġiljan, il-Gżira, Buġibba u żoni oħra fejn jiżdied il-moviment ta’ residenti, turisti u negozji. Il-ħidma ta’ dawn l-uffiċjali tinkludi patrols, prevenzjoni ta’ mġiba anti-soċjali, infurzar, spezzjonijiet f’negozji u kuntatt dirett mar-residenti u s-sidien tal-istabbilimenti.
Matul iż-żjara saret ukoll referenza għall-Avviż Legali ippubblikat din il-ġimgħa li introduċa ħlas immedjat ta’ multi fuq il-post għal persuni li mhumiex residenti f’Malta, b’rabta ma’ reati minuri u kontravenzjonijiet. Din il-miżura ssaħħaħ l-infurzar u tindirizza każijiet fejn multi ma kinux jitħallsu, filwaqt li tħares id-dritt ta’ kull persuna li tikkontesta l-multa skont il-liġi.









