Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, indirizza l-Konferenza Nazzjonali dwar il-Piroteknika bit-tema “Ċelebrazzjoni t’Arti u l-Kultura”, organizzata mill-Għaqda Piroteknika Maltija.
L-avveniment laqqa’ flimkien rappreżentanti mill-qasam tal-piroteknika, uffiċjali tal-gvern, esperti xjentifiċi, studenti u membri tal-komunità, kollha b’għan wieħed li jħarsu lejn il-piroteknika mhux biss bħala spettaklu artistiku, imma wkoll bħala arti xjentifika li tgħaqqad il-wirt, l-identità u l-innovazzjoni.
Matul il-konferenza, ġie mfakkar ukoll li l-Għaqda Piroteknika Maltija rebħet borża ta’ fondi mill-Esplora Community STEM Fund, Dan il-fond għandu l-għan li jħeġġeġ lill-komunitajiet biex jinterpretaw ix-xjenza b’mod kreattiv, interattiv u edukattiv.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-Għaqda ser torganizza esperjenza edukattiva unika li tesplora x-xjenza wara l-logħob tan-nar — mill-kimika u l-fiżika, sal-impatt ambjentali u s-sigurtà. Il-proġett jinkludi workshops, kontenut edukattiv onlajn, u dimostrazzjonijiet prattiċi li jippromovu prattiċi siguri, sostenibbli u innovattivi.
Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti tenna l-importanza li l-arti u x-xjenza jingħaqdu f’armonija waħda biex inkomplu nibnu pajjiż innovattiv, imma wkoll marbut mal-identità tiegħu. Huwa tenna li, “Il-logħob tan-nar mhuwiex biss parti minn festa imma hu simbolu ta’ komunità li taf tgħaqqad il-passjoni mal-għarfien, u t-tradizzjoni mal-innovazzjoni. Dan hu l-ispirtu li rridu nkomplu nrawmu permezz tal-investiment tagħna fiż-żgħażagħ, fir-riċerka u fl-innovazzjoni sabiex il-kultura tagħna tkompli tgħix, tinbidel u tispira ġenerazzjonijiet ġodda.”
Min-naħa tiegħu, Dr Godfrey Farrugia, President tal-Għaqda Piroteknika Maltija, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li dan il-proġett qed joffri dimensjoni ġdida lill-piroteknika Maltija. Huwa qal li “Għalina, il-piroteknika hi arti li tgħix f’qalb il-komunità. Permezz ta’ din l-inizjattiva, qed niftħu triq ġdida fejn il-passat u l-futur jingħaqdu – fejn il-wirt kulturali tagħna jispira edukazzjoni u innovazzjoni.”
Il-konferenza affermat mill-ġdid li l-piroteknika hi element essenzjali tal-identità Maltija, iżda wkoll pjattaforma għal tagħlim, kreattività u riċerka. Permezz tal-kollaborazzjoni bejn l-Għaqda Piroteknika Maltija u l-Esplora Community STEM Fund, Malta qed tkompli twassal messaġġ ċar: li l-kultura u x-xjenza jistgħu jimxu id f’id biex joħolqu futur sostenibbli u vibranti għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.