Sunday, November 24, 2024

Konferma li WasteServ mexxiet il-proċess tal-akkwist tal-faċilità ta’ waste-to-energy bl-ogħla livelli

Aqra wkoll

Il-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi fid-decizjoni tiegħu li ġiet ippublikata illum ikkonferma li WasteServ imxiet bl-akbar diliġenza u trasparenza meta il-kuntratt kruċjali tal-facilita tal-waste-to-energy ingħata lill-Konsorzju Paprec.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca laqa’ l-eżitu tal-appell u qal: “Dan huwa verdett inekwivoku li juri li WasteServ laqgħet din l-isfida u wetqet proċess eċċezzjonali ta’ akkwist. Se nkomplu niddefendu l-ħidma tagħna u r-reputazzjoni tal-kumpanija filwaqt li nkomplu naħdmu favur it-tranżizzjoni ta’ Malta lejn ekonomija kompletament ċirkolari.”

Il-mira prinċipali ta’ WasteServ b’dan il-proġett kienet li twassal infrastruttura kritika li se tkun qed imexxi il-pajjiż lil’ hinn mill-miżbliet, kompla jgħid is-Sur Bilocca.

Il-mod ta’ kif WasteServ mexxa dan il-process gie deskritt bhala novità fl-arena tal-proċess tal-akkwist pubbliku.

Il-faċilità ta’ waste-to-energy hija essenzjali biex Malta titbiegħed mill-mod primittiv ta’ kif qed jiġi mmaniġġjat l-iskart permezz ta’ miżbliet, li jiswew ħafna flus biex jiġu immaniġġjati u jagħmlu ħsara lill-ambjent u lis-saħħa tal-bniedem.

Matul l-appell, il-konsorzju Hitachi-Zosen Inova AG – Terna S.A. naqas milli jirribatti il-pretensjonijiet li qajjem, li kienu bbażati fuq allegazzjonijiet dubjużi, inkluż misrappreżentazzjoni tal-ġustifikazzjonijiet provduti minn WasteServ; allegazzjonijiet ta’ preġudizzju u kunflitti ta’ interess; kif ukoll it-talba biex tiġi kkanċellata din il-proċedura t’ akkwist tant essenzjali.

Meta ġew mistoqsija bil-ġurament, ir-rappreżentanti għolja tal-konsorzju Hitachi-Zosen Inova AG – Terna S.A. saħansitra naqsu milli jaqblu dwar l-elementi primarji tal-argumenti li qajmu u dwar il-punteġġ li skonthom l-offerta tagħhom — li kienet €182 miljun aktar għalja mill-offerent preferut — kellha iġġib.

Matul il-proċess tal-akkwist, WasteServ segwiet l-aħjar prattiki u ingagat lill-COWI esperti fis-settur tal-inġinerija b’ aktar minn 90 sena esperjenza fil-konsulenza dwar l-immaniġġjar tal-iskart solidu muniċipali.

WasteServ marret pass oltre u qabbdet Frith Resource Management ditta ta’ konsulenza bbażata fir-Renju Unit biex tivverifika l-proċedura kollha tal-akkwist mill-ewwel stadju, sal-evalwazzjoni tal-offerti sottomessi. Ir-rapport ta’ Frith ikkonferma li l-għoti rakkomandat, u l-proċess t’ akkwist twettqu b’ mod ġust, u ekwu.

Sport