Il-qasma interna fl-Oppożizzjoni se twassal biex illejla ma tistax tingħadda b’żewġ terzi fil-Parlament bidla fil-kostituzzjoni li ssaħħaħ il-ġlieda kontra reati serji. Abbozz ta’ liġi importanti ħafna li jittratta l-possibiltà li l-perjodu ta’ arrest ta’ persuni raġonevolment suspettati li wettqu reati serji, jiżdied bl-awtorizazzjoni tal-qorti, b’tali mod li tingħata għodda leġiżlattiva aktar effettiva lill-investigaturi u l-pulizija.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Ministri Jonathan Attard u Byron Camilleri waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn sostnew kif aktar kmieni llum ġew infurmati mill-Oppożizzjoni li ma kienx hemm qbil bejn l-Oppożizzjoni nnifisha fuq dawn l-emendi u talbu li l-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ma ssirx.
Il-Ministru Jonathan Attard saħaq li: “Il-Gvern dejjem wera d-disponibilità tiegħu u jien personalment mhux biss appellajt lill-Oppożizzjoni tersaq ’il quddiem bir-rakkomandazzjonijiet tagħha imma wkoll iressqu l-emendi tagħhom… però, l-Oppożizzjoni, il-pożizzjoni tagħha hija dik li trid tibqa’ tiddiskuti. Dan il-pajjiż ma jistax jibqa’ ostaġġ ta’ Oppożizzjoni maqsuma.”
Il-Ministru Byron Camilleri qal kif il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni twaqqgħalhom il-maskra. “Il-pajjiż ma jistax ikun b’Oppożizzjoni li ma tafx fejn qiegħda magħha nnifisha. Il-poplu qed jirrealizza kemm hu diffiċli li tilħaq ftehim fuq affarijiet li jirrikjedu żewġ terzi. Nappella lill-Oppożizzjoni sabiex taġixxi b’responsabilità, biex tkun magħna fin-naħa tas-sewwa u ma titfax il-pajjiż ostaġġ tal-qasma fi ħdana.”
Filwaqt li l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni tikxef l-inkonsistenzi tagħha, il-Gvern jaġixxi fl-interess nazzjonali u fl-ebda interess ieħor.