Saturday, December 21, 2024

Konkorrenza tajba għall-booster għenet biex jiġu rilaxxati ċertu miżuri

Aqra wkoll

Hekk kif t-Tlieta filgħaxija tħabbar rilaxx ta’ uħud mill-miżuri tal-Covid-19, kien hemm uħud li nnutaw li xi persuni li fil-ġenwinità tagħhom bdew jistaqsu r-raġuni ta’ għalfejn ħadu l-booster.

Mistoqsi dwar dan fuq programm imxandar fuq ONE Radio, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li din hija mistoqsija ġenwina. 

“Pero r-raġuni li stajna, u issa erġajna bdejna, inħarsu biex inneħħu xi miżuri huwa proprju għax għandna tant nies li ħadu l-booster. Il-fatt li għandna n-nies li huma protetti, fejn tliet kwarti tal-popolazzjoni adulta f’Malta li ħadu l-booster. Dan ifisser li għandna rata ta’ immunità għolja mhux ħażin fil-komunità u nixtiequ li aktar nies jieħdu l-booster. Fil-fatt għandna l-walk-in clinics li huma miftuħin anke għal min irid jieħu l-booster mingħajr appuntament, imma għax proprju għandna daqstant nies li ħadu l-booster nistgħu nibdew nippjanaw, kif ħabbart ilbieraħ, xi rilaxx ta’ miżuri li għandna fil-post.”

Fakkar kif fiż-żmien il-Milied pajjiżna konna qed naraw każijiet ġodda ta’ Covid tilgħin. Qal li permezz tal-miżuri li ttieħdu u li issa għandna ħafna nies li ħadu l-booster, dik iż-żieda fil-każijiet naqset tant li mill-ewwel ġimgħa ta’ Jannar bdiet tiġi nnutata din ix-xejra. Fil-fatt minn total ta’ 15,000 persuni pożittivi issa niżlu għal madwar 4,000.

Id-Deputat Prim Ministru qal li dan ifisser li l-miżuri li ħadu qed jaħdmu. Qal li meta n-numri kienu tilgħin, il-ħsieb kien fuq x’se jiġri minn dawk in-nies li jkollhom konsegwenzi serji u jekk l-ITU jerġa’ jintela’. Żied jgħid li issa li n-numri fil-komunità neżlin, anke fl-ITU nistennew li jibda jinżel. Qal li dan ifisser li ladarba s-sitwazzjoni qed titjieb, allura jistgħu jnaqqsu mill-miżuri li kienu għamlu meta kelna s-sitwazzjoni fejn in-numri kienu qed jikbru. Spjega li dan kollu qed isir għax kelna daqstant konkorrenza tajba għall-booster.

Ekonomija

Sport