Friday, April 26, 2024

Sistema ġdida għat-traċċabilità tal-inbid DOK Malta, DOK Gozo u IĠT Maltese islands

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo nieda sistema ġdida li se tibda tintuża għall-kontroll u għat-traċċabilità tal-inbid DOK Malta, DOK Gozo u IĠT Maltese islands.

Id-Direttorat tal-Agrikoltura huwa l-awtorità kompetenti li tiggarantixxi u tiċċertifika l-produzzjoni tal-inbejjed DOK u IĠT. Apparti l-ispezzjonijiet u l-analiżi tal-inbejjed, jinvolvi ammont sostanzjali ta’ dokumentazzjoni, speċjalment fejn jidħlu rekords ta’ banderols li jiġu użati sabiex jiċċertifikaw l-inbid.

Id-Direttur Ġenerali Saviour Debono Grech spjega kif sal-lum il-ġurnata dan il-proċess kien isir b’mod manwali, fejn jinvolvi ammont konsiderevoli ta’ xogħol kemm għall-produtturi tal-inbid, kif ukoll għall-impjegati fi ħdan id-direttorat. Kien għalhekk li mis-sena l-oħra d-direttorat beda jaħdem sabiex tiġi żviluppata sistema ta’ traċċabilità u kontroll elettronika. Minbarra li jiffaċilita l-proċess, ikun qed jiġi evitat ukoll l-użu ta’ ħafna karti. Permezz ta’ din is-sistema, kemm id-dipartiment u kif ukoll il-konsumatur se jkollu aċċess għall-pjattaforma interattiva li tista’ tiġi utilizzata b’sempliċiment mobile.

Il-Ministru Anton Refalo enfasizza kif din is-sistema innovattiva, filwaqt li se żżomm l-aspetti ta’ sigurtà preżenti, se tinkorpora wkoll sistema elettronika li tissimplifika x-xogħol ta’ kontrolli li jagħmlu l-uffiċċjali, sabiex hekk tiżdied l-effiċjenza u l-ħarsien tal-prodott agrikolu tant valorizzat. Ma’ din it-teknoloġija, se jiġi introdott ukoll il-QR code li se jservi sabiex l-uffiċċjali jkunu jistgħu jwettqu kontrolli iktar veloċi u preċiżi meta dawn il-prodotti jkunu fis-suq. Il-QR code jista’ jiġi skannjat mill-pubbliku, jwassal għas-sit elettroniku u jagħti aċċess sabiex nifhmu aktar il-proċess li għadda minnu l-flixkun sakemm wasal fuq il-mejda.

Sport