Wednesday, March 4, 2026

“Konna ċari li l-isplużjoni seħħet barra l-SRR Malti” 

- il-Prim Ministru Robert Abela dwar il-każ tat-tanker tal-gass Russu Arctic Metagaz

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Is-serħan il-moħħ lill-pubbliku ma ttihulux billi tagħti informazzjoni falza u misinformazzjoni. Jekk aħna konna ċari li l-isplużjoni seħħet barra mill-SRR Malti, u allura fl-SRR Libjan, jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni ħass li kellu jinforma lill-pubbliku, kellu jagħti l-informazzjoni korretta”. 

Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament fejn ingħata aġġornament dwar il-każ tat-tanker tal-gass Russu bl-isem “Arctic Metagaz” li sploda bejn Malta u l-Libja nhar it-Tlieta li għadda.

Il-Prim Ministru qal li kien “ixxukkjat” meta l-Kap tal-Oppożizzjoni kien tella’ status fuq Facebook fejn qal li “l-isplużjoni seħħet fis-Search and Rescue Area ta’ pajjiżna”, u dan meta waqt laqgħa li saret aktar qabel kien intqal lilu bl-aktar mod ċar li l-isplużjoni seħħet f’bastiment li kien fl-SRR Libjan. 

Dr Abela nnota wkoll li ftit tal-ħin wara li tella’ dak l-istatus, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien tella’ t-tieni verżjoni fejn qal li l-isplużjoni seħħet barra mis-Search and Rescure Area ta’ pajjiżna, iżda mbagħad “ftit wara kien reġa’ bidel il-verżjoni u mar għall-verżjoni skorretta oriġinali.”

Il-Prim Ministru enfasizza wkoll li l-isplużjoni seħħet tliet darbiet iżjed mid-distanza li hemm bejn Malta u Sqallija. Dan filwaqt li enfasizza li meta seħħet l-isplużjoni, il-bastiment kien fl-SRR tal-Libja. “F’dawn it-tip ta’ ċirkostanzi ma tistax tirranġuna bil-ftit ’l hemm u bil-ftit ’l hawn, għax kull kelma żejda li tingħad, kollox ikun qed jiġi innutat hemm barra.” 

“Qed nitkellmu fuq sitwazzjonijiet sensittivi li pajjiżna jekk jaħdem bil-galbu, kif ħadem fil-passat f’sitwazzjonijiet preċedenti, għandu għax joħroġ iżjed b’saħħtu u l-għan tiegħi u tal-Gvern immexxi minni huwa li mill-isfidi preżenti noħolqu pajjiż li jkun wieħed aktar sod u stabbli. U għalhekk nerġa’ nappella għall-maturità biex ma nipprovawx joħolqu episodji bħal dak li ġara t-Tlieta,” tenna l-Prim Ministru. 

Sadanittant, b’rabta ma’ dan il-każ, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri għamel ukoll Stqarrija Ministerjali fejn spjega fid-dettall l-informazzjoni kollha li kellu l-Gvern sa dak il-mument.

Il-Ministru Camilleri spjega li t-Tlieta li għadda, fis-1.10 p.m., iċ-Ċentru ta’ Kordinazzjoni ta’ Salvataġġ tal-Forzi Armati ta’ Malta ġie infurmat b’sitwazzjoni ta’ periku barra ż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta. Dan wara komunikazzjoni miċ-Ċentru ta’ Kordinament ta’ Moska u anke mill-kumpanija tal-bastiment. 

Il-Ministru Camilleri tenna li “l-awtorità kordinatriċi” f’dan il-każ kienu l-awtoritajiet tal-Libja. Qal li malli rċieva l-allert, iċ-Ċentru tal-Kordinazzjoni tas-Salvataġġ ta’ Malta ħareġ Urgent Marine Information Broadcast lill-baħħara u beda proċeduri ta’ verifika sabiex jiġi stabbilit il-pożizzjoni eżatta tal-vapur u tkun analizzata s-sitwazzjoni.

Intqal li l-Forzi Armati ta’ Malta tajret l-ajruplan tagħha “King Air” li llokalizza l-bastiment fl-3.58 p.m. u kompla jfittex sabiex fil-4.52 p.m. illokalizza lifeboat b’ekwipaġġ abbord li wkoll kienet tinstab fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Libjana. 

Iċ-Ċentru ta’ Kordinazzjoni ta’ Salvataġġ ta’ Malta talab lill-bastiment li kien l-aktar viċin tal-lifeboat, MT Respect, li kien jinsab 33 mil nawtiku ’l bogħod minn Malta sabiex jassisti lil dawk fuq il-lifeboat. Wara dan iċ-Ċentru ġie infurmat mill-MT Respect li l-ekwipaġġ kollu kien instab qawwi u sħiħ.

L-ajruplan Malti baqa’ fuq il-post sakemm l-ekwipaġġ kollu kien abbrod l-MT Respect. Il-Forzi Armati ta’ Malta baqgħu jsegwu s-sitwazzjoni u matul il-ġurnata tal-Erbgħa kien infurmat li wara li ġew salvati fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Libjana, żewġ membri minn dawk salvati ngħataw asistenza medika fil-Libja.

Il-Forzi Armati ta’ Malta qed jagħmlu monitoraġġ tal-bastiment Arctic Metagaz li fuqu ma rriżultax li kien hemm aktar ekwipaġġ. Sadanittant, baqa’ jsir monitoraġġ kontinwu u sas-1.55 p.m. tal-Erbgħa jirriżulta li dan il-bastiment jinstab 140 mil nawtiku ’l bogħod minn Malta.

Il-Ministru Camilleri qal ukoll li t-Tlieta li għadda, fil-bini tal-Parlament, hu flimkien mal-Prim Ministru, kienu kkomunikaw mal-Kap tal-Oppożizzjoni u anke mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà sabiex jaġġornawhom bid-dettalji kollha li kellhom sa dak il-ħin.

Huwa żied jinnota iżda li kien hemm rapport li jindika mod ieħor u għalhekk kien skorrett. “Dak li infurmajt bih lill-Kap tal-Oppożizzjoni u lil-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern huwa dak li ftit wara ġie kkomunikat lill-Forzi Armati ta’ Malta permezz ta’ stqarrija uffiċjali.”

“Nista’ nagħti kelma li dan l-ispirtu ta’ interess nazzjonali żammejtu dejjem kemm ili naqdi dan l-irwol u hekk se nibqgħu bħala Gvern inżommuh kontinwament kemm fuq dan il-każ u fejn ikun meħtieġ.

Il-Ministru Camilleri temm billi estenda l-istedina lejn l-Oppożizzjoni biex fuq temi ta’ dan it-tip, inżommu d-djalogu ta’ rispett, ’il bogħod mis-sensazzjonaliżmu u bbażat biss fuq il-fatti. “Hekk biss jibqa’ jipprevali l-interess tal-poplu Malti u Għawdxi.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport