“Konna naħdmu lejl u nhar fuq l-Electrogas”

Aqra wkoll

Matthew Caruana Galizia jagħti x-xhieda tiegħu fil-ġuri kontra Yorgen Fenech, fejn iddeskriva fid-dettall il-ħidma li wettaq flimkien ma’ ommu, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fuq l-investigazzjoni tal-Panama Papers, 17 Black u Electrogas fix-xhur ta’ qabel il-qtil tagħha.

Fil-bidu tax-xhieda tiegħu, Matthew spjega kif beda jgħin lil ommu wara li, waqt li kien qed jaħdem fuq il-Panama Papers, beda jiltaqa’ ma’ ismijiet Maltin fost id-dokumenti leaked, fosthom Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Huwa qal li malajr induna bis-sinifikat ta’ dak li kien qed jiskopri u ħass li kellu jaqsam l-informazzjoni ma’ ommu.

Aktar tard, Matthew irrakkonta kif Daphne kienet talbitu jfittixilha aktar informazzjoni dwar żewġ kumpaniji offshore – 17 Black u Macbridge. Għall-ewwel it-tfittxijiet tiegħu ma taw l-ebda riżultat, iżda meta wasal sett ġdid ta’ dokumenti leaked mingħand Mossack Fonseca, l-investigazzjoni ħadet direzzjoni ġdida.

Skont ix-xhud, dawn id-dokumenti indikaw li l-kumpaniji offshore ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu qed jippruvaw jiftħu kontijiet bankarji, filwaqt li 17 Black kienet identifikata bħala waħda mis-sorsi mistennija tal-fondi. Matthew qal li kienet l-ewwel darba li sabu evidenza li kienet tissuġġerixxi rabta kummerċjali bejn dawn l-entitajiet.

“Ommi kienet taf b’17 Black qabel ma sirt naf jien”

Matthew xehed li dak li impressjonah kien il-fatt li Daphne Caruana Galizia kienet diġà taf bl-eżistenza ta’ 17 Black u Macbridge ħafna qabel ma hu stess kien sema’ bihom.

Huwa qal li kieku ommu ma semmitlux dawn il-kumpaniji, probabbilment qatt ma kien jasal biex jinvestigahom.

Ix-xhud kompla jispjega kif, wara l-qtil ta’ ommu, iddeċieda li jkompli jfittex min kien wara 17 Black. Flimkien mal-ġurnalist ta’ Reuters Stephen Grey, ivvjaġġa lejn Dubai biex jipprova jikseb informazzjoni mir-reġistru tal-kumpaniji.

Huwa rrakkonta li saħansitra pprova juża kompjuters fl-uffiċċji tar-reġistru biex ifittex informazzjoni, iżda t-talba tiegħu ġiet miċħuda. L-għada filgħodu, qal, sar jaf bl-arrest ta’ Yorgen Fenech.

“Konna naħdmu lejl u nhar”

Waħda mill-aktar partijiet sinifikanti tax-xhieda kienet dwar l-investigazzjoni tal-Electrogas.

Matthew qal li Daphne kienet infurmatu li kellha sors minn ġewwa l-Electrogas, li kien qed jgħaddilha eluf ta’ emails u dokumenti. Huwa spjega li t-tnejn kienu konxji mir-riskju li kien qed jieħu dan is-sors, iżda l-informazzjoni kienet qed tiftaħ bibien ġodda għall-investigazzjoni.

Matthew qal li, aktar ma bdew janalizzaw id-dokumenti, aktar bdew jindunaw li Yorgen Fenech kien jidher b’mod frekwenti fil-komunikazzjonijiet. “Konna qed nirċievu mijiet, jekk mhux eluf, ta’ emails,” qal, filwaqt li żied li hu u ommu kienu jaħdmu lejl u nhar biex jipproċessaw il-materjal.

Huwa żied li kienu qed iħejju investigazzjoni estensiva dwar l-Electrogas, iżda din qatt ma tlestiet. “Kull darba li nara dawk l-emails, qalbi tibda tħabbat aktar malajr. Ifakkruni f’dak li konna se nagħmlu u li qatt ma stajna nwettqu,” stqarr.

Blog dwar 17 Black u investigazzjoni li ma tlestietx

Il-Prosekuzzjoni esebiet ukoll il-blog li fih Daphne Caruana Galizia semmiet għall-ewwel darba pubblikament lil 17 Black. Matthew qal li dak iż-żmien kważi ħadd ma kien jaf x’kienet din il-kumpanija.

Aktar tard, irrefera wkoll għall-investigazzjoni konġunta ta’ Times of Malta u Reuters li ġiet ippubblikata fl-2018 u li żvelat li Yorgen Fenech kien is-sid ta’ 17 Black. Huwa qal li dik l-investigazzjoni kienet importanti għalih, għax kienet tentattiv biex jitkompla x-xogħol li ommu ma kellhiex iċ-ċans tlesti.

“Konna qed nippruvaw niskopru dak li ommi qatt ma kellha ċ-ċans tippubblika,” qal.

Matthew żied li wara l-qtil ta’ ommu ma kienx jaf lil min seta’ jafda u lanqas kellu r-riżorsi biex ikompli waħdu, tant li għadda kopja tal-informazzjoni li kellu lill-ġurnalist ta’ Times of Malta Jacob Borg, għax, kif qal hu stess, “ma kontx fi stat li naħdem fuqha jien stess.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport