Il-każ li ġibed l-attenzjoni tal-midja internazzjonali dwar dgħajsa li allegatament minnha ntremew fil-baħar madwar €700,000 fi flus kontanti kompla jiġi investigat mill-awotirtajiet ta’ Ragusa fl-Italja fejn issa anke ġie dentifikat sid id-dgħajsa.
Il-midja Taljana qiegħda tirraporta li sid id-dgħajsa hu Owen Jones fejn qiegħed jiġi investigat dwar allegat suspett ta’ attività illegali bejn Malta u Sqallija.
F’artiklu fil-midja Taljana qalu li Jones jaħdem bħala sprayer u kien ilu żmien jaqsam minn Malta lejn Sqallija u portijiet oħrajn. Fosthom hu daħal f’postijiet fi Sqallija, Calabria u Puglia.
Il-każ seħħ meta tlett irġiel u anke tifel kienu fuq dgħajsa u din waqfet ħesrem waqt li kienu deħlin lejn Ragusa. Jirriżulta li żewġt irġiel u tifel ma baqgħux fuq id-dgħajsa filwaqt li Jones allegatament instab fuqha hekk kif waslu numru ta’ uffiċjali mill-Gwardja Kostali Taljana, il-Guardia di Finanza, il-Pulizija tal-Istat u l-Carabinieri.
Hekk kif il-pulizija kienu resqin lejn id-dgħajsa ġew mormija madwar €700,000 fil-baħar bl-awtoritajiet Taljani rkupraw kważi l-ammont kollu tal-flus ippakkjati f’boroż u basktjiet. Uħud mill-persuni li kienu fuq il-bajja wkoll bdew jiġbru l-flus li ntefgħu fil-baħar.
Il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ Ragusa, Salvatore Fazzino, qal li kieku d-dgħajsa ma sofrietx il-ħsara, x’aktarx qatt ma kienet tiġi interċettata.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u d-dgħajsa ġiet ikkonfiskata filwaqt li hemm suspetti kbar li kien qiegħed isir ħasil ta’ flus jew traffikar tad-droga.
Il-midja Taljan qalet li Jones kien involut f’każ stramb 19-il sena ilu meta kien ġie aggredit u nżamm kontra l-volontà tiegħu minn numru ta’ persuni fil-Qasam Industrijali Tal-Ħandaq, għalkemm ma jsemmix li dan seta’ kien relatat mal-inċident attwali.


