Friday, February 6, 2026

Konna ngħixu tajjeb… wara r-Rivoluzzjoni Iżlamika  inqaleb kollox… itteħdulna l-libertajiet

– Iranjan li jgħix f’Malta

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ilni nipprova nikkuntattja lill-qraba u ħbieb għalxejn. Ħa nurik”. Joħroġ il-mowbajl u jibda jurini sejħa wara oħra li għamel kollha mhux imweġbin.  “Ħa nurik. Ħa nċempel lil dan.” Jipprova jagħmel il-kuntatt. Ebda rispons. L-internet qatgħuh. 

Il-komunikazzjoni bejn l-Iranjani fl-Iran u qrabathom hi maqtugħa għal kollox. “Xi kultant jirnexxielek tagħmel kuntatt għal ħin qasir ħafna. L-aħħar messaġġ li rċevejt kien jgħidilna li jinsabu tajbin”. Jieqaf għal ftit u jkompli. “Illum inħossni nervuż ħafna. Nara dak il-massakru ta’ qtil ta’ nies li qegħdin jipprotestaw. Qiegħed hawn biex inwassal messaġġ – fejn huma l-mexxejja Ewropej. Kulħadd iħares u ma jsir xejn. Qegħdin jinqatlu ħafna nies. Kif tista’ tibqa’ tħares quddiem massakru bħal dan”.

Dan sostnieh ma’ IT-TORĊA, Iranjan li ilu f’pajjiżna għal diversi snin. Minħabba s-sigurtà tiegħu u tal-familja tiegħu li tinsab fl-Iran, se nirrispettaw ix-xewqa tiegħu li ismu ma jkunx ippubblikat.

“Jien ilni ngħix hawn ammont ta’ snin u llum inħossni Malti. Se ssibni minn tal-ewwel biex naqbeż għal Malta. Għext aktar barra milli fl-Iran, imma dak li qiegħed jiġri l-Iran nikkitni u rrabbjani.  Jien niftakar l-Iran fi tfuliti u kif konna ngħixu qabel seħħet ir-Rivoluzzjoni Iżlamika. Biex tifhimni konna ngħixu qisna f’Malta llum. Bir-rivoluzzjoni f’daqqa waħda morna mijiet ta’ snin lura. Il-libertajiet bdew jittieħdu u flok ’il quddiem bdejna sejrin lura.”

Imma kif kien l-għajxien tagħkom qabel ir-rivoluzzjoni?

“Jien missieri kellu sengħa partikolari.  Aħna konna għadd ta’ aħwa (mhux se ngħidu kemm biex nipproteġuh). Il-karozza li kellna konna nibdluha ta’ spiss.  Anki l-għamara tad-dar konna nibdluha spiss. L-għajxien kien tajjeb ħafna. Konna ngħixu ħajja tajba. Skola konna nibdew ta’ sitt snin, għax hemmhekk dak iż-żmien kien jimxu ħafna fuq is-sistema Franċiża.  Li ġara kien li s-sitwazzjoni nbidlet mil-lejl għan-nhar. Qisek irqadt u x’ħin tqum issib sitwazzjoni totalment differenti u tibda tistaqsi, kif ġejna hekk.”

“Wara ftit faqqgħet il-gwerra li damet tmien snin….jien spiċċajt fuq il-front.”

Ikompli jgħidli li “ftit wara li seħħet ir-Rivoluzzjoni Iżlamika faqqgħet il-gwerra mal-Iraq. Gwerra li damet sejra tminn snin. Jien kont wieħed milli ġġilidt għar-rivoluzzjoni. Kont spiċċajt fuq il-front. Il-mentalità li kienu daħħlulna kienet li jekk għandek AK f’idejk u kapaċi tispara u toqtol allura inti patrijott. Kienu jgħidulna li sejrin ħdejn Alla. Immaġina leġjun ta’ xi 180 suldat immorru fuq il-front u nirritornaw biss 10. Kienet gwerra li fiha mietu ħafna nies u ħafna oħrajn spiċċaw feruti”. 

“Fil-pajjiż spiċċaw ma tistax tistaqsi… ma tistax tipprotesta….lil dawn in-nies min se jkun il-vuċi tagħhom?

Biex tifhem kif konna spiċċajna, ħares lejn pajjiż Ewropew u tara li inti fih tista’ toħroġ u tipprotesta. Fl-Iran le, jekk tistaqsi, inti se titqies terrorist. Ma tistax tipprotesta. Jekk tipprotesta jakkużawk li inti kontra r-Reġim, li inti kontra Alla.  Jien għaddejt minnha. Kienu ġew jgħidulna  biex ma’ Kristjani u ma’ Lhud ma nmissux. Jien l-iskola kienu jqabbduni naqra l-Koran u għalhekk kont nafu sew.  Tkellimt u għedtilhom li fil-Koran m’hemm xejn minn dan. Għedtlu dawk li ġew minn Alla mhumiex imniġġza.  Ftit wara talbuni ismi u ħelsu minni billi tefgħuni fuq il-‘fruntiera’ waqt il-gwerra. Hemm oppressjoni sħiħa u ma tistax tikkritika jew tiftaħ ħalqetk”.

“In-nies ħarġu jipprotestaw għax ilhom ibatu u jsofru.”

Jenfasizza li “n-nies ilhom ħafna oppressati. Qegħdin dejjem jaraw li l-ħajja tagħhom sejra għall-agħar. L-affarijiet qegħdin jogħlew kontinwament, waqt li l-valur tal-munita dejjem nieżel. Nista’ ngħidlek li aħna meta jmut xi ħadd għandna d-drawwa li jiġu n-nies u nipprovdulhom l-ikel. Issa l-ikel tant għola li f’temp ta’ disa’ xhur, il-prezz ta’ din l-ikla waqt funeral irdoppja.  Dan in-nies kollu qegħdin iħossuh. Dan biex ma nsemmix il-każijiet marbutin ma dewmien biex pazjenti jiddaħħlu fi sptar għall-kura.”

Jieqaf għal ftit u jkompli. “Kif jista’ jkun li qassis ikun imexxi pajjiż jew ikun il-kmandant tal-armata?  Għaliex qegħdin jibqgħu jħallu n-nies qishom maqfulin, bla libertà? Għaliex x’ħin tiġi biex toħroġ mill-Iran issib il-ħitan ma’ wiċċek? Tmur tapplika biex issiefer. Trid tagħmel intervista u din tiswik €90. Jibdew jistaqsuk għaliex sejjer hemm u ħafna domandi. Imbagħad jgħidulek inti sejjer hemm u ma terġax tiġi. Tispiċċa tagħmel id-dar, in-negozju taħt garanzija, li jekk ma tirritornax jitteħdulek.”

Iddefendew lil pajjiżhom u bla libertà… imma tar-Reġim jistgħu

“Ir-rabja tan-nies hi kbira. Dan għax waqt li huma jaraw li m’għandhomx libertà,  tar-Reġim għandhom il-libertà kollha. In-nies illum qegħdin jistaqsu għaliex spiċċajna f’din is-sitwazzjoni? Il-munità waqgħet, l-affarijiet dejjem jogħlew. Fejn huma l-flus tar-riżorsi kbar li għandu l-pajjiż?  X’qed jiġri minnhom?”.

“Il-ħobż qed jinxtara bin-nifs…studjajt imma ma tistax taħdem.”

Ikompli “hemm sitwazzjoni fejn in-nies minħabba l-mod kif għoliet il-ħajja qegħdin jixtru l-ħobż bin-nifs. Timmaġinaha din? Ikel bħall-bajd sar ikel ta’ lussu.  Għandek iż-żgħażagħ studjaw imma mhux isibu jaħdmu fil-qasam li huma studjaw u ggradwaw fih.  Għandek studenti gradwati u mhux isibu jaħdmu. Imbagħad għandek oħrajn, li l-livell edukattiv tagħhom hu baxx, iżda qegħdin f’pożizzjonijiet għolja fil-gvern.”

Imma tliet snin ilu ukoll saru protesti kbar…din id-darba se jiġri bħal dakinhar?

Infakkru kif kien proprju tliet snin ilu metą kienu saru protesti kbar fl-Iran. Jgħidilna li “nemmen li din id-darba l-protesti mhux se jieqfu. Nemmen li se jkomplu għaddejjin għax il-poplu mxebba’. Nixtieq li l-Ewropej ikunu verament il-vuċi tal-Iranjani. Dan hu l-mument li jridu juru li mhux lesti li jħallu lil dan il-poplu jbati”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport