Friday, April 26, 2024

Konrad Mizzi jirbaħ €500 lin-Nazzjon

Aqra wkoll

Żewġ libelli kontra George Pullicino u Beppe Fenech Adami meqjusa “skorretti imma mhux malafamanti”; dak kontra Simon Busuttil le

L-eks-ministru responsabbli mill-enerġija u s-saħħa Konrad Mizzi rebaħ libell li għamel lill-ġurnal tal-PN “In-Nazzjon” bl-editur Alex Attard jiġi ordnat jagħtih €500.

Mizzi fetaħ il-kawża ta’ libell wara li ħassu malafamat bl-artiklu ippubblikat fl-14 ta’ Frar 2014 intitolat “Skandlu minn persuna qrib Konrad Mizzi”.

L-artiklu kien jittratta s-sospenzjoni ta’ numru ta’ ħaddiema tal-Enemalta fuq tbagħbis f’madwar 1,000 ‘smart meter’ u jirreferi għal wieħed mill-akkużati, Louis Attard, bħala wieħed viċin ta’ Mizzi.

Il-Maġistrat Victor Axiak ikkonkluda li mill-provi li tressqu quddiemu rriżulta li ma kien hemm ebda relazzjoni bejn Mizzi u Attard u ċaqliq li għaddu minnu l-impjegat fl-Enemalta seħħ qabel l-bidla fil-gvern fl-2013.

Huwa iddeskriva l-allegazzonijiet tal-ġurnal fil-konfront ta’ Mizzi bħala serji u irrimarka li l-ġurnal żvija lill-qarrejja meta tahom informazzjoni żbaljata fuq il-vantaġġi li Attard ħa wara li Mizzi ġie elett.

Fl-istess waqt l-istess maġistrat ma laqax talba ta’ Mizzi biex isib lill-eks-Kap tal-PN Simon Busuttil, l-eks-Viċi-Kap Beppe Fenech Adami u l-eks-deputat Nazzjonalista George Pullicino ħatja ta’ kummenti malafamanti b’rabta mal-istess storja.

Huwa iddikjara l-kummenti ta’ Busuttil bħala iktar ta’ kritika għall-Gvern milli għal Mizzi u għalhekk ma sabux ħati ta’ malafama fil-konfront tal-eks-ministru.

Fir-rigward ta’ Fenech Adami u Pullicino huwa qal li dawn għaddew kummenti skorretti fil-konfront ta’ Mizzi dawn ma kienux malafamanti u għalhekk ma sabhomx ħatja ta’ libell għax ukoll qies li kliemhom kien kritika għall-Gvern iktar milli għalih.

F’dawn il-libelli Mizzi kellu jidher għalih lill-Avukat Aron Mifsud Bonnici, in-“Nazzjon” lill-Avukat Peter Fenech mentri Busuttil, Fenech Adami u Pullicino lill-Avukat Joseph Zammit Maempel.

Sport