Friday, November 15, 2024

“Konsistenza fil-bookings fil-lukandi sa minn xhur qabel f’pajjiżna”

Il-President tal-MHRA Tony Zahra jgħid li dan is-sentiment pożittiv qed jinħass ukoll mir-ristoranti

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Qed jinħass sentiment pożittiv mis-sidien ta’ ristoranti li din is-sena se tkun waħda tajba. Rapport li kien ippreżentat waqt seminar mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA), bl-appoġġ ta’ Deloitte, irriżulta li kważi 70% tar-ristoranti qed iħarsu pożittivament lejn l-2023. Fil-każ tal-lukandi qed jiġi nnutat li x-xejriet tal-bookings qed jinbidel tant li diġà qed jaslu bookings għat-tliet xhur li ġejjin u anke għax-xhur tas-sajf. Dan qed ikun b’mod konsistenti għall-aħħar.

Dan qalu l-President tal-MHRA, is-Sur Tony Zahra, b’rabta mal-istħarriġ li sar dwar l-andament tar-ristoranti fl-2022 u l-isfidi li hemm fis-settur. Huwa qal li r-ristoranti li qed ikunu kawti fuq is-sentiment tagħhom għal din is-sena huma madwar 8%. Dan jista’ jkun minħabba li hemm spejjeż tal-operat li qed jiżdiedu u dan jista’ jaffettwa lil ħafna.

“Hemm ukoll affarijiet relatati ma’ ġbir tal-iskart, li qed iħallu l-impatt tagħhom minħabba li ħafna mir-ristoranti speċjalment iż-żgħir qed ikollhom diffikultajiet ta’ ħażna tal-materjal riċiklabbi u ta’ separazzjoni, apparti spejjeż ta’ ħin tal-impjegati.”

Intant, dan il-ġurnal staqsa lis-Sur Zahra dwar l-istħarriġ li sab li 61% tal-impjegati fir-ristoranti huma barranin. Dwar dan, huwa qal li bħala Assoċjazzjoni qed jaħdmu ħafna fuq proġetti varji flimkien ma’ kumpaniji internazzjonali, ITS, ITS Training School u entitajiet oħra biex ikomplu jitħarrġu aktar nies u jissaħħaħ min diġà qed jaħdem b’karriera fl-ospitalità.

Apparti hekk, qed jiġi offrut taħriġ kemm online kif ukoll ġo klassi biex jitjiebu l-ħiliet tal-ħaddiema li diġà jaħdmu fl-industrija tal-ospitalità. Dan għaliex huwa importanti li s-servizz li jingħata lill-klijent dejjem jibqa’ ta’ importanza fis-settur tal-ospitalità.

“Ħaġ’oħra li rridu infakkru hija li fl-ospitalità tista’ tibda mil-livell u tibqa’ tiela’ għall-ogħla livell ta’ management għax hija industrija dinamika ħafna. Bħalissa għaddejjin minn preparamenti biex insaħħu iktar l-outreach speċjalment fis-skejjel primarji kif ukoll importanti li nifhmu li l-ospitalità mhix min jaħdem direttament fil-lukandi jew restoranti, imma hemm ħafna iktar setturi li huma b’mod dirett jew indirett jagħtu servizz għal industrija tant importanti f’pajjiżna,” temm jgħid is-Sur Zahra.

Ekonomija

Sport