Saturday, December 14, 2024

KONSISTENZA FIŻ-ŻAMMA TAL-PRINĊIPJU… IL-PULIZIJA JIXIRQILHOM AĦJAR

Aqra wkoll

X’hemm aqwa miż-żamma tal-prinċipju u l-valuri ta’ dak li jkun u l-konsistenza tiegħu fejn jidħlu dawn il-morali? Kemm huwa aktar faċli li tikseb il-kredibbiltà meta f’dak li tgħid tqis id-diskors u filwaqt li tgħid is-sewwa u jekk hemm bżonn anke tissikka ċ-ċintorin tagħmel dan imma bla ma tagħmel dannu lil min ikun żbalja intortament?

Għal dawn il-mistoqsijiet aħna nemmnu li d-diskussjoni li tqajmet fil-parlament ftit tal-jiem ilu tista’ titpoġġa bħala punt ta’ referenza biex jitwieġbu tali mistoqsijiet. Għal darba oħra membri fil-Kamra min-naħa tal-Oppożizzjoni għażlu li waqt il-ħin tad-domandi jistaqsu rigward kwistjoni li qamet fil-midja rigward allegazzjoni li l-Pulizija ħarġet notifika ta’ tfittxija għal persuna jew persuni mfittxija u kien hemm ċirkostanzi differenti fuq kull każ.

Id-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio staqsa lill-Ministru konċernat dwar sitwazzjoni li hu rrefera għaliha bħala imbarazzanti fejn kellek il-Pulizija li qiegħda tappella għall-għajnuna tal-pubbliku biex jinstabu persuni, b’wieħed minnhom ikun diġà miżmum filwaqt li l-ieħor irreaġixxa li kien barra fuq xogħol u saħansitra allega li ma kienx notifikat.

Filwaqt li nemmnu li l-mistoqsijiet parlamentari għandhom l-għan li jgħinu biex jiġu kjarifikati ċertu affarijiet, nittamaw li meta membru, ġej mil-liema naħa ġej tal-Kamra, jagħmel domanda m’għandu bl-ebda mod jipprova jdawwar sitwazzjoni bħal din b’tali mod li jimbarazza uffiċjali li fl-aħħar mill-aħħar jinkludu dawk li jmorru barra mill-irwol tagħhom, anke f’ħinijiet barra mix-xogħol, biex isalvaw liċ-ċittadini tagħna.

Nemmnu li min-naħa tiegħu l-Ministru Byron Camilleri kien ċar ħafna u nemmnu wkoll fis-saħħa tal-frażi li jekk sar żball, għalkemm irridu naraw x’sar ħażin biex ma nerġgħux, dan tal-inqas ifisser li x-xogħol qiegħed isir.

M’aħniex ngħidu li m’hemmx drabi fejn iċ-ċittadin ma jistax ikollu raġun fuq sitwazzjonijiet partikolari, iżda tajjeb li nżommu f’moħħna li lanqas hu ġust li ma kull intopp jew fejn ma naqblux mal-issikkar taċ-ċintorin induru fuq dawn l-uffiċjali u nippruvaw nittimbrawhom li qegħdin jonqsu.

M’għandniex ninsew li meta jkollna xi diżgrazzja dawn l-uffiċjali jkun hemm min ta’ quddiem biex jagħtu l-għajnuna u jekk kemm-il darba nsibu ruħna f’diffikultà lilhom l-ewwel li nfittxu għall-għajnuna.

Filwaqt li aħna favur li l-Kamra tar-Rappreżentanti tkun il-post fejn dawk li nħatru mill-poplu biex iwieġbu għal ċertu sitwazzjonijiet, ma nemmnux li sitwazzjonijiet fejn persuni bħalma huma l-Pulizija, li fl-aħħar statistiċi maħruġa kkonfermaw li żdiedet il-fiduċja fihom, jispiċċaw fil-mira ta’ attakk partiġġjan minħabba xi żball ġenwin li jista’ jkun riżultat tal-ħidma impenjattiva tagħhom biex jissalvagwardjaw il-komunità.

Ekonomija

Sport