Monday, December 2, 2024

Konsultazzjoni bil-għan li jissaħħaħ is-settur tal-volontarjat

Aqra wkoll

Fl-ewwel laqgħa tal-Kabinett man-nies għal din is-sena, waħda mit-temi li kienet għad-diskussjoni kien dokument ta’ konsultazzjoni dwar kif jissaħħaħ is-settur tal-volontarjat f’pajjiżna. Qabel il-laqgħa, il-Kabinett sema’ x’għandhom xi jgħidu dawk kollha li jaħdmu qatigħ fil-qasam tal-volontarjat.
F’diskors li għamel fil-bidu ta’ din il-laqgħa, il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li għal dan il-Gvern, il-valur tal-volontarjat u l-valur li jagħtu lil kull min jikkontribwixxi f’dan is-settur huwa wieħed għoli, li jħeġġeġ l-impenn, il-konnessjoni u l-inklużjoni soċjali f’pajjiżna.
Huwa qal li l-Gvern jibqa’ kommess li jiffaċilita l-ħidma tas-settur volontarju permezz tat-tisħiħ tal-appoġġ finazjarju. Iżda mhux biss. “Nemmnu li neħtieġu bidliet bżonjużi li se jkunu qed jinjettaw aktar enerġija u ħidma f’dan is-settur tant importanti tal-volontarjat,” tenna l-Prim Ministru.
Huwa enfasizza li jrid ikun hemm bidliet li jfissru anqas burokrazija, aktar simplifikazzjoni tal-proċessi u li effettivament din tfisser li l-assistenza li jkollhom bżonn l-għaqdiet volontarji tkun tista’ tasal aktar b’mod immedjat u fil-ħin speċjalment fl-aċċess u l-użu tal-fondi.
“Bħala Gvern inħarsu lejn dan is-settur bħala sieħeb strateġiku fl-iżvilupp soċjo-ekonokmiku tal-pajjiż. Turija ta’ dan huwa kif sens ta’ fiduċja bħala Gvern nissieħbu ma’ għadd ta’ għaqdiet fl-għoti ta’ servizzi li huma importanti għal pajjiżna,” kompla jgħid Dr Abela.
Żied jistqarr li l-bidla li qed iressqu ‘l quddiem mhix sempliċi wegħda elettorali iżda hi wegħda li se tkun qed tmiss eluf ta’ persuni li jiġu bżonn xi servizz jew ieħor minn xi għaqda volontarja.
“Nemmnu li b’dawn il-proposti se nkunu qed naġġornaw aspett tal-qafas leġiżlattiv ta’ pajjiżna li jħares lejn dan is-settur bħala wieħed li mhux biss għandu jkun regolat imma megħjun biex jiżviluppa anke fid-dawl ta’ diversi kategoriji u l-mod kif se jiġi klassifikat is-settur tal-volotarjat u n-non profit,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Ekonomija

Sport