Monday, May 13, 2024

Għawdxija ħatja li waddbet sikkina lil żewġha u weġġgħetu ħafif fix-Xewkija

Aqra wkoll

Charlene Nadine Spiteri ta’ 34 sena ġiet illiberata bil-kundizzjoni li ma tagħmilx reat ieħor fi żmien sentjen wara li nstabet ħatja li madwar 3 snin ilu waddbet sikkina lil żewġha u dakinhar weġġgħetu ħafif f’idu. 

Il-Prosekuzzjoni quddiem il-Maġistrat Simone Grech spjegat li l-inċident kien seħħ fit-18 ta’ Settembru tal-2021 f’appartament li jinsab fi Triq Majmuna. Dakinhar kien qam argument bejn il-koppja bil-konsegwenza li l-akkużata bdiet titfa’ xi oġġetti lejn żewġha.

Il-vittma allega li martu kienet qaltlu “I will stab you! I will kill you! I will throw you out of the balcony!” u li sakkritu fil-gallarija.

Fis-sentenza, il-Maġistrat Simone Grech qalet li dak il-kliem li allega l-vittma ma kienx ġie indikat fir-rapport li kien sar lill-Pulizija. Qalet li l-fatt li l-akkużat kien spiċċa msakkar fil-gallerija jkompli jikkonferma li dak id-diskors ma ntqalx.

Mill-provi mressqa, il-Maġistrat qalet li l-akkużata sakkret lil żewġha biex tipproteġi lilha nnifisha jew biex tevita li l-inċident jeskala.

Spiteri ġiet ordnata tħallas €660 fi spejjeż tal-Qorti u l-Maġistrat rabtitha b’garanzija personali ta’ €500 għal sena.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.

Sport