Saturday, April 27, 2024

Konsultazzjoni pubblika għall-użu intelliġenti tad-dawl favur is-saħħa tal-bniedem u l-patrimonju naturali ta’ pajjiżna

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru Farrugia ħabbar proċess ta’ konsultazzjoni pubblika fuq linji gwida ġodda għat-tniġġis ikkawżat mid-dawl

Miktub mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia

L-iskop ta’ dawn il-linji gwida huwa li jitnaqqsu l-effetti negattivi li jkollu t-tniġġis ikkawżat mid-dawl lill-ambjent tal-gżejjer Maltin.

Dawn il-linji gwida jipproponu l-inklużjoni ta’ żoni mudlama ta’ patrimonju f’Malta, simili għal dawk li jeżistu fuq Kemmuna u f’Għawdex. Uħud minn dawn is-siti potenzjali jinsabu fil-Majjistral u fil-Punent ta’ pajjiżna u jistgħu potenzjalment jingħataw din id-deżinjazzjoni sabiex jipproteġu s-sema billejl. Żoni bħal Natura 2000, żoni li jagħmlu parti mis-CoE Emerald Network u żoni oħra ta’ konservazzjoni għandhom jiġu protetti minn dwal artifiċjali. 

“L-għan ta’ dawn il-linji gwida huwa li mhux biss inaqqsu t-tniġġis ikkawżat mid-dawl minn proġetti preżenti, iżda wkoll fejn jidħlu proġetti futuri u li qed jiġu proposti. L-għan aħħari ta’ dawn il-linji gwida huwa li jkun hemm aktar għarfien tal-effetti ħżiena li jkollu d-dawl fuq l-ambjent, jissottolinea l-benefiċċji li jġibu magħhom proġetti ddisinjati b’mod tajjeb u b’użu intelliġenti tad-dawl artifiċjali, u jenfasizza l-protezzjoni ta’ żoni rurali mudlama. Dawn il-linji gwida se jkunu qed jgħinu wkoll lill-assessuri ta’ aplikazzjonijiet għall-iżvilupp sabiex jevalwaw b’mod tajjeb is-sorsi ta’ tniġġis ikkawżat mid-dawl f’żoni interni u anke esterni,” qal il-ministru. 

Il-Ministru Farrugia saħaq li n-nies għadhom mhumiex konxji biżżejjed tal-effetti ħżiena tat-tniġġis ikkawżat mid-dawl. Spjega li l-installazzjoni ta’ dwal artifiċjali qawwija, billboards tal-LED b’dawl qawwi u sorsi oħra ta’ dawl artifiċjali jagħmlu jagħmlu effett konsiderevoli fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. “Apparti l-effetti li dan ikollu fuq il-flora u l-fawna ta’ pajjiżna, studji xjentifiċi juru li dan it-tniġġis jista’ jkollu effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u jġib miegħu diversi problemi tal-irqad. It-tniġġis ikkawżat mid-dawl jista’ jġib miegħu wkoll żieda fir-rata ta’ kriminalità fiż-żoni milquta, inaqqas mill-pjaċir li persuna tgawdi s-sema billejl u żżid il-konsum tal-elettriku bla bżonn,” qal il-Ministru Farrugia. 

Il-konsultazzjoni pubblika għal dawn il-linji gwida se tkun qed tippermetti li wieħed jippjana l-użu tad-dawl fuq barra b’mod intelliġenti filwaqt li ma jħallix effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq il-patrimonju naturali ta’ pajjiżna.

Sport