Saturday, October 26, 2024

Konsultazzjoni pubblika għat-tfassil ta’ politika aġġornata dwar id-droga

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon nieda dokument għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-politika tad-droga, li għandu l-għan li jsaħħaħ il-politika tal-Gvern f’dan il-qasam u li jirrifletti ż-żminijiet tal-lum.

Din il-konsultazzjoni pubblika se tkun miftuħa fuq perjodu ta’ ħames ġimgħat, fejn il-pubbliku, persuni li għandhom jew kellhom problema ta’ droga, kif ukoll professjonisti li jaħdmu f’dan is-settur għandhom il-faċilità sabiex jaqsmu l-esperjenza tagħhom u jagħtu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom.

Dan id-dokument ta’ konsultazzjoni jinkludi fih numru t’azzjonijiet proposti li jistgħu jgħinu sabiex inaqqsu l-provvista u d-domanda għad-droga filwaqt li jissaħħaħ il-qafas legali. Hemm inkluż ukoll proposta sabiex isiru testijiet fuq sewwieqa biex jiċċekkjaw jekk ikunux taħt l-effett tad-droga.

“Għandna sitwazzjoni fejn aktar persuni qed ifittxu d-droga, f’postijiet varji. Għaldaqstant, dan hu pass kuraġġuż fid-dawl ta’ żviluppi li saru fit-tip u l-kwalità tad-droga disponibbli fis-suq. Aktar minn hekk għall-fatt li din il-politika ilha ma tiġi aġġornata għal ħafna snin,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Din il-konsultazzjoni pubblika se tkun miftuħa sad-29 ta’ April 2023, u s-suġġerimenti jistgħu jintbagħtu fuq [email protected].

Sport