Wednesday, March 27, 2024

Hockey: Floriana Young Stars itemmu l-impenji tal-kampjonat b’rebħa

Aqra wkoll

Floriana Young Stars temmew il-kampjonat bl-aqwa mod possibbli meta għelbu lil White Hart 4-0 f’logħba li ntlagħbet fil-Kumpless tal-Hockey f’Kordin.

Għal White Hart din kienet ukoll l-aħħar logħba tagħhom fejn naqsu milli jiksbu xi punti wara disa’ logħbiet.

Wara skor ta’ 0-0 sa tmiem l-ewwel quarter, fit-tieni quarter il-Greens skorjaw żewġ gowls li prattikament wittew it-triq għaż-żewġ punti finali.

Anton Saliba, Luke Borg Costanzi, Mark Camilleri u Clive Williams kienu l-iskorers għal Young Stars li spiċċaw fit-tielet post tal-klassifika b’disa’ punti minn daqstant logħbiet.

Umpires kienu Emile Borg u Paul Brincat.

Fi tmiem il-ġimgħa li ġej ikollna l-konfront ferm mistenni bejn GREE Sliema Hotsticks u Qormi Daikin li jista’ jagħti ħjiel dwar ir-rebħ tal-kampjonat.

KLASSIFIKA – KAMPJONAT NAZZJONALI TAL-HOCKEY

GREE Sliema Hotsticks 12, Qormi Daikin 11, Floriana Young Stars 9, White Hart 0

Mill-Hockey 9s, Qormi Daikin għelbu lil GREE Sliema Hotsticks 3-0 sabiex ikkonfermaw il-mument tajjeb li għaddejjin minnu.

It-tieni quarter kien fundamentali għal Qriema hekk kif skorjaw darbtejn permezz ta’ Axel Cauchi u Wyatt Magri sabiex fit-tielet quarter Shawn Dimech issiġġilla r-rebħa għat-tim tiegħu.

Umpires kienu Glen Bonello u Karl Chircop.

Mill-kampjonat ta’ taħt l-14-il sena, Marsascala Summer Nights iddominaw għal kollox il-konfront kontra GREE Sliema Hotsticks 8-0.

Alessandro Piscopo kien l-eroj għall-Iskalin meta skorja erba’ gowls filwaqt li Nathan Lauri Rodo kien awtur ta’ tripletta. Cayleb Caruana żied ieħor għat-tim tiegħu.

Umpires kienu Karl Chircop u Edward Hughes.

Ekonomija

Sport