Sunday, December 22, 2024

“Kont inkwetata li ma jilħqux isiru jafuni … L-ewwel tgħanniqa tagħna flimkien kienet l-isbaħ ħaġa li qatt ġratli”

Kirsty Dow, Skoċċiża li kellha tinfired mit-triplets tagħha f’jum twelidhom

Aqra wkoll

Omm ta’ triplets tgħid li hija bdiet temmen fil-mirakli wara li hi u t-tliet uliedha rnexxielhom jegħlbu l-isfida tagħhom kontra l-mewt tant li waslu biex iċċelebraw l-ewwel sena tagħhom flimkien.

“Ma nistax nemmen kif irnexxielna negħlbu dawn l-ostakli kollha u li rnexxielna niċċelebraw għeluq l-ewwel sena ta’ wliedna … Ninsab tassew grata u nħossni ffortunata li għadna ħajjin,” qalet Kirsty f’intervista li kellha mal-midja Ingliża Metro.

Il-ġenituri flimkien mat-tliet uliedhom jiċċelebraw l-ewwel sena tagħhom

Meta Kirsty Dow, mara ta’ 33 sena mill-Iskozja u miżżewġa lil Darren ta’ 37 sena, welldet lit-tliet uliedha — Grayson, Travis u Max — ħasbet li din kienet se tkun l-isbaħ ġurnata ta’ ħajjitha. Però, ftit minuti wara li welldet lit-triplets, hija u t-tliet uliedha subien spiċċaw jissieltu għal ħajjithom.

Kirsty kellha tqala pjuttost normali, però ta’ 32 ġimgħa tqala kellha twelled ċesarja minħabba li Max ma kienx qed jikber kemm suppost. Kull wieħed mit-tliet subien twieldu ħames minuti biss bogħod minn xulxin. Sfortunatament, immedjatament wara l-proċess tal-ħlas, l-omm flimkien ma’ wliedha ttieħdu b’urġenza fit-Taqsima tal-Kura Intensiva; it-trabi kellhom problemi bin-nifs filwaqt li l-omm tilfet ħafna dmija, kellha problemi b’qalbha u ma setgħetx tieħu nifs: “Malli twieldu, lit-tfal smajthom jibku — dan kien l-isbaħ sentiment li qatt esperjenzajt. Iżda mbagħad kellhom bżonn l-ossiġnu biex ikunu jistgħu jieħdu n-nifs sew; f’daqqa waħda ma stajtx nieħu nifs,” tistqarr Kirsty.

Hija kompliet tgħid li ħasset il-kamra ddur biha. Meta fetħet għajnejha sabet ruħha fit-Taqsima tal-Kura Intensiva u maġenbha kellha r-ritratti tat-tliet uliedha. Kirsty ġiet infurmata li kellha l-pressjoni għolja minħabba kundizzjoni li ma kinux indunaw biha u li setgħet tkun fatali, kemm għaliha kif ukoll għal uliedha. Barra minn hekk, qalulha wkoll li Travis u Max (żewġ tewmin identiċi) kellhom ‘Twin to Twin Transfusion Syndrome’ — kundizzjoni serja fejn issir trasfużjoni tad-demm minn wieħed mit-tewmin (id-donatur) għal għand l-ieħor (ir-riċevitur) waqt li jkunu f’ġuf l-omm. Konsegwenza ta’ dan, Travis twieled ruxxan filwaqt li Max kellu kulur pallidu ħafna, u t-tnejn li huma kienu jeħtieġu trasfużjonijiet tad-demm.

It-triplets waqt li kienu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Iskozja

“L-ewwel jiem tagħna fit-Taqsima tal-Kura Intensiva kienu tal-biża’,” tgħid l-omm. “Kellna nimxu siegħa b’siegħa; it-tfal filli jkunu tajbin, u ftit tal-minuti wara nerġgħu nisimgħu l-alarms … Kont inkwetata li ma jilħqux isiru jafu min hi ommhom,” tirrakkonta emozzjonata Kirsty.

Kirsty għaddiet minn realtà kiefra għaliex minħabba d-diffikultajiet li kellhom jaffaċċjaw, hija kellha tistenna għadd ta’ jiem qabel ma setgħet iżżomm u/jew tħaddan lil uliedha magħha għall-ewwel darba: “L-ewwel tgħanniqa tagħna flimkien kienet l-isbaħ ħaġa li qatt ġratli”. Intant, fiż-żmien li għamlu separati minn xulxin, l-infermiera ħadu ħsieb ipoġġu xi qlejbiet maġenb l-omm u wliedha ħalli jkunu jistgħu jibdew isiru familjari billi jxommu r-riħa ta’ xulxin.

Filwaqt li Travis u Grayson intbagħtu lura d-dar wara xahar l-isptar, ħuhom Max kellu jagħmel seba’ ġimgħat oħra hemm għax instab li kellu bżonn għadd ta’ trasfużjonijiet tad-demm kif ukoll operazzjonijiet tal-ftuq: “L-iktar mument diffiċli kien meta ħriġt mill-isptar mingħajr Max; kienet iebsa wisq għalija biex inħalli lil Max warajja u mmur id-dar nieħu ħsieb liż-żewġt itfal l-oħra … ħassejtni ‘l bogħod wisq minn Max,” tispjega Kirsty.

Il-ġenituri ma’ wliedhom waqt li kienu l-Isptar

Grayson għandu kundizzjoni ġenetika li qed taffettwalu qalbu u l-iżvilupp tiegħu, però qed jirnexxilu jadatta sew. Max ma jismax; qed jilbes il-hearing aids u beda l-fiżjoterapija, filwaqt li Kirsty flimkien ma’ żewġha se jibdew jitgħallmu l-lingwa tas-sinjali biex ikunu jistgħu jgħinuh aħjar.

Issa li l-ġenituri jinsabu jgawdu lil uliedhom id-dar, l-omm tgħid li tħossha xxurtjatha ħafna u li tħobbhom daqs dawl għajnejha.

Ekonomija

Sport