Tuesday, May 14, 2024

“L-għajnuna li provdiet Malta kienet apprezzata ħafna”

Theresa Cutajar, l-Ambaxxatriċi ta’ Malta għat-Turkija

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tim ta’ 32 uffiċjal u kelb mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jinsabu fit-Turkija biex jagħtu għajnuna diretta lill-poplu Tork, wara t-terremot qawwi li laqat lil dan il-pajjiż. L-uffiċjali Maltin qegħdin jgħinu fit-tfittxija għan-nies maqbuda taħt it-tifrik u terrapien tal-bini mġarraf.

Fil-fatt, dawn qegħdin jassistu fl-operazzjonijiet li għaddejjin bħalissa magħrufa bħala MUSAR (Medium Urban Search and Rescue) u HUSAR (Heavy Urban Search and Rescue).

Talk.mt ilbieraħ tkellem mal-Ambaxxatriċi ta’ Malta għat-Turkija Theresa Cutajar fejn qaltilna li l-għajnuna li provdiet Malta kienet milqugħa b’mod tajjeb ħafna hekk kif f’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-ewwel 48 siegħa huma kruċjali.

Cutajar qalet li s-sitwazzjoni bħalissa hi waħda prekarja ħafna fir-rigward tal-epiċentru fejn seħħ it-terremot. Qalet li b’kollox hemm 10 provinċji affettwati, bil-President Tork Recep Tayyip Erdogan fl-aħħar sigħat iħabbar li dawn iż-żoni se jkunu kopruti minn stat ta’ emerġenza għall-perjodu ta’ tliet xhur.

Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni ċivili jassistu fit-Turkija

“It-tim li ġie minn Malta, li diġà qed jgħin, jista’ jkun ta’ għajnuna kbira biex jikkontribwixxi għall-prijorità li jiġu salvati l-ħajjiet,” qaltilna Cutajar. “Bħalissa hekk kif qed insegwu s-sitwazzjoni tara li għadhom isibu ħafna nies ħajjin. It-tfittxijiet għadhom għaddejjin.”

Din l-għajnuna qiegħda tingħata hekk kif kull meta jseħħ xi diżastru naturali f’xi pajjiż ieħor, li jimpatta direttament lin-nies ta’ dak il-pajjiż, il-Protezzjoni Ċivili dejjem tara kif tista’ tassisti f’għajnuna umanitarja, permezz tal-mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea tal-Protezzjoni Ċivili.

Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ se jkun qiegħed jassisti permezz ta’ għajnuna finanzjarja mill-Fond ta’ Żvilupp sabiex ikopri għajnuna umanitarja.

Komunikat diplomatiku għadu għaddej bejn iż-żewġ pajjiżi, biex Malta tkun tista’ tassisti aktar f’dawn il-mumenti diffiċli.

Ftit qabel ħallew pajjiżna, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri sellmu lil dawn l-uffiċjali. Huma rringrazzjawhom tal-għajnuna li se jkunu qed jagħtu f’isem Malta biex isalvaw il-ħajjiet, anke jekk b’riskju għalihom infushom.

Sport