Monday, June 2, 2025

“Kont nidher qisni mostru… maħruqa kollni”

Intervista ma’ żeffiena li ħadet in-nar f’Manoel Island… Rebħet il-lewkimja f’età żgħira u ma kinitx lesta li tmut f’dan l-inċident

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“M’għandix ħin biex immut. Kont qiegħda ninħaraq kollni kemm jien. F’dak il-mument għidt miegħi nnifsi li ‘immut le. Ma mietx bil-lewkimja…’ u ħsibt li Alla jridni mmur malajr id-dar għand uliedi. Dak kien il-ħsieb tiegħi dak il-ħin… għaġġla kbira biex immur id-dar”. 

Dan huwa l-kliem ta’ Alessandra Giuliano, Taljana ta’ 38 sena, li ilha tgħix f’Malta għal dawn l-aħħar tmien snin. Hija li kienet żeffiena professjonista lura f’Catania iżda gradwata bħala għalliema, għaddiet minn esperjenza tal-biża’ fit-3 ta’ Mejju li għadda f’Manoel Islanda waqt li kienet għaddejja bil-provi taż-żfin tagħha f’eżerċizzju bin-nar. Esperjenza kerha u iebsa iżda ma kinitx l-unika waħda f’ħajjitha li kellha tirbaħ. Is-sigriet tas-saħħa tagħha hija proprju l-passjoni kbira li għandha għaż-żfin.

Dixxiplina li qiegħda  tifjorixxi fiha hawn Malta

Mill-età tenera ta’ erba’ snin Alessandra bdiet tiżfen fejn attendiet fl-iskola ta’ kalibru għoli “Arte e Balletto”. L-ispeċjalizzazzjoni tagħha hija ż-żfin klassiku kontemporanju, dixxiplina li mhiex faċli, li qiegħda tiffjorixxi fiha proprju fit-teatri lokali u fil-films li jsiru f’Malta. Kif qaltilna hija stess, “insibni tajba ħafna hawn Malta. Dan għax jekk għandek talent, tingħata l-opportunità li turi dak li taf. Barra li jien għalliema, nagħmel xogħol ta’ teatru, attriċi u ballerina. Għandi ħafna xogħol għax f’Malta, ta’ kull xahar, jinġibed film. Jinvestu ħafna fil-films u jiġu ħafna biex jagħmluhom hawn”.

Din l-omm ta’ żewġt itfal, tifla ta’ tmien snin Adriana u tifel Andrea ta’ 15-il sena, bi tbissima stqarret li ħajjitha hija waħda movimentata sew. Spjegat li tlaħħaq ma’ kollox għax hija persuna organizzata ħafna u anke għax jgħinha żewġha Salvatore, barbier u fl-istess ħin uliedha huma okkupati bl-affarijiet tagħhom. Fuq kollox Alessandra hija mara dixxiplinata, karatteristika importanti għall-passjoni tagħha taż-żfin. L-istess żfin li kien se jeħodilha ħajjitha fl-inċident li seħħ f’Manoel Island ix-xahar li għadda fis-7.00 ta’ filgħaxija.

Dakinhar tal-inċident … waqa’ barmil mimli pitrolju

Lura għal dak il-lejl, Alessandra spjegat li hija kienet għaddejja bit-taħriġ taż-żfin meta, “konna lesti mill-provi u n-nar kien mitfi. Ġara li waqa’ mal-art barmil li kien mimli pitrolju u xarrabli ż-żarbun. Minħabba li ftit qabel kont qiegħda niżfen, it-tabib spjegali li jista’ jiġri li n-nar qabad għax iż-żarbun kien użat ħafna u sħun bil-frizzjoni. Dak il-ħin ħadd ma kien qiegħed ipejjep u ma kienx hemm nar ieħor. F’daqqa waħda smajt ħoss u sħana kbira tiela’ minn saqajja u minkejja li fl-Italja kont ħadt il-kors tal-protezzjoni ċivili fejn titgħallem li f’każ li taqbad trid tintefa’ ddur mal-art, dak il-ħin bdejt niġri. Dan għax ma ridtx li nweġġa’ lil ħadd. Ħsibt li jekk għandi mmut, immut waħdi”.

Din iż-żeffiena kompliet tirrakkontalna li kien imbagħad, meta kienet ‘il bogħod mill-oħrajn, li ntefgħet iddur mal-art biex tipprova titfi n-nar li kellha fuqha. “Imma ma ntefiex u għalhekk neħħejt il-qalziet u ż-żarbun ta’ naħa minnhom. Meta ġejt biex ineħħi tan-naħa l-oħra kien hemm problema. Dan għax il-lazz taż-żarbun kien diġà dagħab u weħel ma’ sieqi. Dak il-ħin ħadd ma jista’ jmissek u għalaqt għajnejja, għeżżiet snieni u qlajtu. Fil-fatt fuq din in-naħa l-ħruq huwa agħar,” kompliet Alessandra hija u turina sieqha.

“Ma ħassejtnix fi sptar iżda kont qisni d-dar”

Din iż-żeffiena tiftakar li l-ambulanza kienet ġiet malajr ħafna u li kienu ħaduha immedjatament fid-Dipartiment tal-Emerġenza. Hawn hija ġiet trasferita fid-Dipartiment tal-Ħruq fejn qattgħet 15-il jum rikoverata għall-ħruq li sofriet. 

“Inħarquli saqajja t-tnejn, b’waħda minnhom agħar minn oħra u id minnhom. Kelli wkoll imnieħri u ftit minn xahri maħruq. Ir-rispons f’ħin qasir ħafna tal-ambulanza salvani u ħadu ħsiebi ħafna. Kienu jafu li fil-passat kont fieqt mil-lewkimja u għamlu xogħlhom b’mod eżemplari tant li għalija l-istaff ta’ Mater Dei kienu saru qishom familja,” kompliet emozzjonata Alessandra. 

Fl-età tenera ta’ 10 snin din iż-żeffiena kienet ġiet djanjostikata bil-kanċer tal-lewkimja iżda, minkejja kollox, hija kienet baqgħet tiżfen għax dik kienet il-passjoni tagħha. Żiedet li, “kont niżfen għax tali passjoni tgħinek. Anke mingħajr xahar bqajt niżfen. F’dan il-perjodu kont qiegħda nagħti messaġġ ta’ kuraġġ u tama lil kulħadd. Kont rajt ħafna pazjenti morda bħali fis-sala li sfortunatament mietu. Kont nagħmel il-kimoterapija, nirremetti u niżfen. Il-passjoni taż-żfin żammitni ħajja”.

Alessandra speċifikat kif il-kura hawn Malta hija waħda “speċjalizzata” bi proċedura li jikkuraw lill-pazjenti kuljum. Iddeskriviet bħala “simpatiċi ħafna” l-infemiera li kkurawha fejn marru lil hinn minn sempliċi impjieg billi żammewlha kumpanija u għamlulha kuraġġ tul ir-rikoveru tagħha. “Qatt ma kont waħdi. Ma ħassejtnix li kont fi sptar imma kont qisni d-dar. Il-kamra tiegħi kienet imtliet bil-fjuri u l-ħbieb kienu jiġu jarawni l-ħin kollu. Ħaġa li apprezzajt ħafna”.

“Ħafna qaluli li kont iffortunata”

Wara 15-il jum fid-Dipartiment tal-Ħruq Alessandra ħarġet mill-isptar u kull jumejn bdiet tmur biex jibdlulha l-faxex. Bħalissa hija għaddejja bil-fiżjo terapija u proprju din il-ġimgħa hija ngħatat l-aħbar sabiħa li tista’ tmur lura għax-xogħol, aħbar li laqgħet bi pjaċir kbir. Minkejja li kellha kemm ħruq superfiċjali imma anke ħruq serju, din l-omm irkuprat verament malajr. 

Mistoqsija li saħansitra fl-isptar stess kienet saritilha hija jekk hiex se terġa’ tibda tiżfen bin-nar. “Meta għamluli din il-mistoqsija, fis-sala kien hemm mument ta’ skiet perfett. Li nista’ ngħid huw li żgur se nerġa’ nibda niżfen normali għax dan kien is-sigriet li żammni ħajja. Imma, f’dan il-mument għadni ma nafx jekk qatt nerġax nittanta niżfen bin-nar,” stqarret Alessandra.

Din iż-żeffiena, li bħala persuna tħobb tgħin lil kulħadd, qalet li waħda mill-aktar affarijiet frustranti fil-ħin tal-inċident kien proprju dak li meta hija kellha bżonn l-għajnuna, ħadd ma seta’ jgħinha għax inkella jweġġgħu huma. Ħaġa li hija stess ma ridietx u evitat. Fir-rigward hija qalet li l-akbar għajnuna sabitha fis-support kbir li kellha fl-isptar u mill-ħbieb li kienu viċin tagħha ħafna hija u tfieq mill-ħruq li sofriet. 

Il-ħsieb wara li ffaċċjat il-mewt…

“Gawdu aktar”

Hawn din iż-żeffiena ta’ talent kbir riedet tagħti parir lil kull min huwa fil-linja tax-xogħol tagħha taż-żfin u tal-films – “dejjem agħtu l-aħjar tagħkom u stinkaw irrilevanti mill-ammont ta’ xogħol li jidħlilkom. Kull mument jgħodd u għandu jkun uniku u maġiku biex teċċitaw lil dawk li qegħdin jarawkom. Hekk mhux biss ikunu jistgħu jammiraw il-kapaċitajiet tagħkom imma anke l-kariżma u s-sentiment li tinvestu f’dak li tagħmlu”.

Fl-istess ħin Alessandra Giuliano riedet tgħaddi messaġġ aktar importanti u b’mod ġenerali lil kulħadd. Hija temmet din l-intervista bil-parir “gawdu aktar. Jiena stess hemm bżonn li jkolli ritmu ta’ ħajja inqas mgħaġġel ħalli żgur inkun nista’ ngawdi mumenti prezzjużi tal-ħajja”.

Min-naħa tagħha hija rringrazzjat lid-Dipartiment tal-Ħruq tal-Isptar Mater Dei u lill-ħbieb kollha tagħha li kienu nkwetati għaliha u tawha sostenn f’dan iż-żmien diffiċli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport