Hekk kif ftit tal-ħin ilu tħabbret il-mewt tal-Eks Deputat Laburista u Eks Segretarju Parlamentari, Silvio Parnis, l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat sellem il-memorja ta’ Silvio Parnis fuq il-midja soċjali.
“Int kont bniedem tan-nies u għalhekk dejjem kont nirrispettak. Kont tgħidli dak li taħseb bla ħabi u fuq kollox kont taghtini l-polz eżatt ta’ x’qed jaħsbu n-nies, fit-tajjeb u l-ħażin,” stqarr Muscat.
Huwa ddeskrivieh bħala persuna li għamel ħafna ġid ma’ bosta nies “Ordinarji, b’mod kważi missjunarju. Ikun hemm min jgħidlek li klijenteliżmu. Xejn minn dan. Int kont hemm għal min ma kellux lanqas familja min tgħinu fl-affarijiet iż-żgħar ta’ kuljum. Kien hemm min żebilhek fuq hekk, iżda n-nies dejjem taw risposta. Ma tkabbartx lanqas meta sirt parti mill-Kabinett,” saħaq Muscat.
Il-ġimgħa li għaddiet Muscat żar lil Parnis id-dar tiegħu.
Huwa temm il-messaġġ tiegħu billi qal li jmiss lill-poplu Malti li jkun ta’ spalla għall-familja ta’ Parnis.