Tuesday, May 14, 2024

Pelé … lejn l-aħħar vjaġġ tiegħu qabel tpoġġa biex jistrieħ fis-sliem

Aqra wkoll

Eluf ta’ partitarji mlew it-toroq ta’ Santos għall-funeral ta’ Pelé.

U l-president il-ġdid tal-Brażil, Luiz Inácio Lula da Silva, kien fost dawk li taw ġieħ lill-ikona nazzjonali qabel id-difna tiegħu.

It-tliet darbiet rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja miet il-Ħamis li għadda fl-etá ta’ 82 sena wara battalja kontra l-kanċer.

Ġismu tpoġġa f’tebut miftuħ f’nofs il-Vila Belmiro Stadium fil-belt Brażiljana fejn lagħab għal 18-il sena b’230,000 partitarju mxew fi kjú li kien twil żewġ kilometri.

It-tebut inġarr mill-eks midfielder Brażiljan Ze Roberto kif ukoll minn iben Pelé, Edinho, b’kuruni ta’ fjuri mibgħuta minn Neymar, Vinicius Junior u Real Madrid.

Edinho kien viżibbilment emozzjonat filwaqt li l-mara ta’ Pelé, Marcia Aoki, ġiet ikkonfortata minn Lula u l-President tal-FIFA, Gianni Infantino, li wkoll ta r-rispett tiegħu.

U wara 24 siegħa, it-Tlieta filgħodu ġie mgħotti f’bandiera tal-Brażil mgħasses mis-suldati tal-armata għall-purċissjoni fl-istess belt. 

Il-karozza tat-tifi tan-nar saqet bil-mod ħdejn id-dar ta’ ommu, li għandha 100, sena qabel waslet fl-aħħar post tal-mistrieħ tiegħu fid-disa’ sular taċ-‘ċimiterju vertikali’ ta’ 14-il sular b’ċerimonja żgħira għall-membri tal-familja u l-ħbieb.

Il-Memorial Necropolis Ecumenica tinkludi kripti, kmamar fejn jinżammu s-servizzi, krematorju li jħarsu lejn l-istadium ta’ Santos, il-post fejn Pelé paxxa tant nies bl-abbiltajiet tiegħu.

Il-Brażil ħabbar ukoll tlett ijiem ta’ luttu nazzjonali għal Pelé.

Iżda minkejja d-dieqa kbira għall-mewt tiegħu, il-pubbliku ċċelebra ħajtu wkoll bil-kant, żfin u anke logħob tan-nar.

Pelé ddebutta fix-xena internazzjonali, fl-1958, fejn għen lill-Brażil jirbaħ it-Tazza tad-Dinja kif ukoll erba’ snin wara.

Is-suċċess tiegħu fl-1970, kien ifisser li sar l-ewwel player li rebaħ it-Tazza tad-Dinja u baqa’ l-uniku wieħed li għamel dan. 

Fuq livell ta’ club, Pelé gawda 18-il sena sensazzjonali ma’ Santos, it-team li ddebutta għalih fl-etá ta’ 15-il sena.

B’mod ġenerali, huwa skorja 1,279 goal f’1,363 logħba, inklużi partiti ta’ ħbiberija, li huwa rikonoxxut fil-Guinness Book of Records.

Huwa rnexxielu wkoll jiskorjaw 77 goal fi 92 logħba mat-team nazzjonali liema rekord intlaħaq minn Neymar proprju fit-Tazza tad-Dinja li għadha kif intemmet, fil-logħba kontra l-Kroazja. 

Sport