Sunday, November 24, 2024

“Kont u dejjem nibqa’ kburi li ngħid minn fejn jien”

L-attur lokali Davide Tucci

Aqra wkoll

Ftit tal-ġranet ilu, l-attur lokali Davide Tucci deher fit-tieni episodju tas-seba’ staġun tal-programm Un Passo dal Cielo. Din is-serje qed tixxandar fuq l-istazzjon Taljan Rai Uno.

Dan hu unur għal Tucci li qed ikollu suċċess kbir anke fi produzzjonijiet lokali fosthom L-Għarusa li xxandar fuq l-istazzjon nazzjonali. Issa qed jimraħ lejn palk u televiżjoni internazzjonali u dan il-programm hu biss il-bidu ta’ ħafna proġetti oħrajn. 

Davide Tucci fil-produzzjoni televiżiva L-Għarusa

Tucci tkellem fuq il-mezzi soċjali dwar din l-opportunità li ġietu u kemm hu jiftaħar mal-barranin li hu Malti għalkemm twieled fl-Italja.

“Kont u dejjem nibqa’ kburi li ngħid minn fejn jien, kemm hi sabiħa gżiritna, li ngħid li twelidt l-Italja għax jien hemm twelidt, li nħobb lil Malta għax jien hemm trabbejt.”

Davide Tucci qed jinterpreta karattru partikolari bl-isem ta’ Hans Christian. Hu studja sew il-linji sabiex ikun ippreparat filwaqt li anke ra sew kif jista’ jinterpreta l-karattru bl-aqwa mod possibbli.

Hu jinsabu ukoll ferħan għall-familja tiegħu li issa se tkun tista’ tifhem aktar dak li jkun qed jgħid waqt il-programm.

“Il-familja tiegħi fl-Italja se tkun tista’ tgawdini peress li produzzjonijiet Maltin li ħdimt fihom ma setgħux isegwuh minħabba li ma jifhmux il-lingwa Maltija. Issa li qed nirreċta bit-Taljan, se jkunu jistgħu japprezzaw sew dak li jien ngħid.”

Tucci faħħar ukoll lill-familja tiegħu fuq il-profil tiegħu fuq Facebook fejn qal li huma rabbewh b’għożża kbira u b’valuri li bihom għandu jħobb u jkun onest filwaqt li jkun bieżel għax hekk biss taqla’ x’tiekol. 

“Il-familja li tat valur lill-bżulija u kellha s-sabar li tibni dak li għandha pass pass u ġebla ġebla.”

Davide Tucci, li għandu 35 sena, qal li l-karriera tiegħu tinsab fl-aqwa tagħha u qed jaħdem qatigħ sabiex jimraħ dejjem aktar f’din id-dinja tant sabiħa tal-palk, it-teatru u l-produzzjonijiet televiżivi. Hu qed jaħdem fuq proġett iżda għalissa ma ried jiżvela xejn u qagħad ‘il bogħod milli jiżvela xi dettalji.

Finalment Tucci faħħar il-lingwa Maltija li bħal dik Taljana hi ferm faċli sabiex tinterpretaha u jinsab kburi li qed jirreċta biha.

Sport