Smajna ħafna fuq id-dejn nazzjonali u kemm qed jiżdied. Veru li żdied għalkemm b’paragun mal-kobor tal-ekonomija naqas u jinsab taħt sew il-livell li l-pajjiżi membri tal-ewro huma mistennija li ma jaqbżux.
Li ma jissemmewx daqstant huma dawk li jissejħu l-obbligi finanzjarji “kontinġenti” tal-gvern: jiġifieri, l-garanziji li l-gvern jagħti fuq self magħmul mal-banek minn uħud mill-entijiet tiegħu (bħall-Enemalta) jew minn entijiet privati għal raġuni jew oħra, jew għal djun li jsiru internazzjonalment minn entijiet barrnin, privati jew governattivi. Permezz tagħhom, il-gvern ikun qed jiggarantixxi li jagħmel tajjeb jekk dawn id-djun ma jiġux onorati u l-kapital ma jitħallasx lura jew l-imgħaxijiet ma jitħallsux. Sa ftit tas-snin ilu, fl-Estimi Finanzjarji li joħorġu mal-baġit kien ikollna rendikont aġġornat tal-obbligi kontinġenti. Dan m’għadux jidher.
Sal-aħħar tas-sena 2024, l-obbligi kienu jlaħħqu mal-1.2 biljun ewro li 42 fil-mija minnhom kienu mal-barrani. Somma qawwija, imma jidher li bejn is-snin 2012 u 2023, il-daqs tagħhom niżel minn aktar minn 15 fil-mija tal-ekonomija kollha għal anqas minn 6 fil-mija. Ma tkunx ħaġa ħażina li dan l-aspett tat-tmexxija finanzjarja jingħata ftit aktar attenzjoni
LEĦEN
Fiex jeżistsi eżattament il-leħen ta’ Malta fl-Ewropa? Minn żmien il-kampanja biex Malta tiddaħħal akkost ta’ kollox membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea, l-għajta kienet li bis-sħubija se jkollna leħen f’dak li jintqal u jiġi deċiż hemm. Hi għajta li għadha tissemma sal-lum meta jintqal kif mhux talli ksibna dal-leħen imma talli anke “ksibna” l-Presidenza tal-Parlament Ewropew.
Skond din l-illużjoni, bħala President tal-Parlament, Roberta Metsola titkellem b’vuċi Maltija. Dan hu minnu fir-rigward tal-aċċent imma falz mill-bqija għax fejn Metsola teżerċita xi influwenza partikolari effettiva, dan ikun biss fl-interess tal-grupp politiku tagħha.
Ir-realtà tibqa’ li – kif minn dejjem kien inevitabbli – il-vuċi Maltija fl-Ewropa kienet u baqgħet marġinali. L-affarijiet li “ġibna” minn hemm ġew kollha fuq il-premessa li mqabbla mal-bżonnijiet ta’ pajjiżi oħra, tagħna tant huma ċkejkna, li setgħu jiġu akkomodati faċilment.
IMGĦARRQA
Fl-aċċidenti fatali max-xtajtiet ta’ pajjiżna dis-sena numru ta’ barranin kienu involuti. Ma setgħux ikunu jafu bil-perikli li ċerti żoni ta’ baħar fil-qrib tal-art jistgħu jkunu perikolużi għal min mhuwiex familjari magħhom.
Dawn il-barranin ġew f’pajjiżna għax imħajra mill-offerta turistika tagħna li qed tagħmel suċċess kbir meritat. Imma dan l-istess suċċess iġib miegħu wkoll id-dmir li niżguraw il-ħarsien ta’ min jiġi fostna. Hemm bżonn li tinżamm sorvelja ħafna aktar wiesgħa u sostnuta tax-xtajtiet. Mhux biss matul is-sajf, imma fix-xhur kollha li t-turisti… imħajra mill-publiċità tagħna… jiġu jżuruna.

