Minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni, l-użanzi taċ-ċittadini f’pajjiż jirrepetu ruħhom, jintirtu. Ġenerazzjoni ssegwi x’tagħmel ta’ qabilha u tikkopjah sakemm tkun qed tipprattikah bħala tagħha. Il-mekkaniżmu hu wieħed ta’ “riproduzzjoni” soċjali. B’hekk insibu kif wara anke mijiet ta’ snin, festa tibqa’ tiġi ċelebrata bl-istess ritmu u ħerqa mill-komunità. Eżempju huma l-festi fil-parroċċi tagħna.
Biss din il-kontinwità mhijiex proċess li fih innifsu ma jinbidilx. Xejn xejn jaffetwawha l-bidliet li jseħħu fil-mod kif in-nies tgħix, taħdem, tikkomunika u tirrikrea ruħha, mhux l-anqas minħabba l-progress teknoloġiku li jkun seħħ jew il-livelli ta’ għajxien li jkunu qed jintlaħqu. Dan jaffettwa wkoll il-popolarità tal-użanza, kif jekk se nibqgħu fuq l-eżempju tal-festi tradizzjonali rajna fostna. Imma jista’ jkun li l-aqwa bidliet iseħħu minħabba f’kif in-nies imdorrija tgħix. Pereżempju jista’ jkun li l-akbar bidla f’kif niċċelebraw il-festi ġejja mhux mit-teknoloġija li tjiebet imma mill-mod kif naqset ħafna mill-ħerqa li kienet teżisti sa deċennji ilu għall-volontarjat mhux imħallas.
ĦIDMA IŻRAELJANA
Sa fejn nista’ nara sa meta qed nikteb dan, dwar l-attakk Iżraeljan qrib Malta fuq vapur li kellu jwassal għajnuna umanitarja lill-poplu ta’ Gaza, il-paragun li sar fil-medja kien mal-qtil tal-mexxej Palestinjan Xqaqi f’Tas-Sliema lejn tmiem is-snin 90 tas-seklu l-ieħor. Kien inċident ikrah ukoll li wera kif l-Iżrael ma tirrikonoxxi l-ebda limitu diplomatiku għal kif tmexxi l-ħidma ta’ “sigurtà” tagħha.
Li skantani ftit kien kif inċident ieħor mill-imgħoddi li jirrifletti l-istess realtà, ma ssemmiex. Ġara lejn tmiem is-sena 1973 meta żewġ bċejjeċ tal-gwerra Iżraeljani daħlu fl-ibħra Maltin bla permess. Il-gvern Laburista ta’ dak iż-żmien ipprotesta bil-kbir u xxellfu sew ir-relazzjonijiet mal-Iżrael. Il-Prim Ministru Malti Mintoff u l-Prim Ministru Iżraeljana Golda Meir xejn ma spiċċaw kumplimentużi lejn xulxin. Kien beda ż-żmien meta l-Iżraeljani saru jimportahom dejjem anqas jekk l-aġir tagħhom itellifhom il-ħbieb.
IL-WELFARE STATE
Bħala espressjoni “welfare state” m’għadhiex tintuża daqstant, forsi għax is-solidarjetà soċjali saret mitqiesa pilastru essenzjali fil-governanza moderna, anke mil-lemin. Mentri “welfare state” donnha tindika stat li bil-miżuri tiegħu irid finanzjarjament jassigura li jwettaq il-karità.
Tqis kif tqis dan l-impenn soċjali tal-istat, il-verità hi li jinsab taħt attakk qawwi. Fl-Istati Uniti żgur, fejn l-amministrazzjoni ta’ Trump qed tara kif l-aħjar tiżmantella programmi ta’ appoġġ soċjali fl-oqsma tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tal-ġlieda kontra l-faqar. Imma l-istess qed jiġri fl-Ewropa għalkemm mhux bl-istess ħruxija. Hawn qed jintqal li l-interventi statali li jsostnu l-welfare iridu jitrażżnu ħalli b’hekk, mill-fondi mfaddla, jkunu jistgħu jiġu finanzjati l-proġetti ta’ difiża militari.