Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja jindirizza l-Konferenza tal-ILO f’Ġinevra b’appell għal waqfien mill-ġlied b’mod immedjat u permanenti fil-Palestina u aċċess umanitarju sħiħ
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, għamel appell imqanqal sabiex jitwaqqaf il-ġenoċidju fil-Palestina, fid-diskors tiegħu għall-Konferenza tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol f’Ġinevra, fejn talab il-waqfien mill-ġlied b’mod immedjat u permanenti.
Waqt li indirizza l-113-il Konferenza tal-ILO, Bugeja afferma l-appoġġ sod tiegħu għall-poplu Palestinjan u l-ġlieda tiegħu għad-dinjità, il-libertà u l-ħajja.
“Nitkellem mhux biss bħala Segretarju Ġenerali, iżda bħala ċittadin globali impenjat lejn id-dinjità, il-ġustizzja u d-drittijiet tal-bniedem. L-atroċitajiet fil-Palestina jitolbu l-attenzjoni sħiħa u l-azzjoni urġenti tagħna.
“Aktar minn 54,000 Palestinjan, 6,000 minnhom tfal, inqatlu f’attakki indiskriminati. Irħula sħaħ, nazzjon sħiħ sar irmied, in-nies iddisprati jmutu bil-ġuħ u anke ġew sparati waqt li kienu fil-kju għall-ikel. Din mhijiex biss gwerra – din kampanja ta’ ġenoċidju u tindif etniku,” qal Bugeja lill-Konferenza tal-ILO, li tiġbor flimkien kemm it-trade unions kif ukoll l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem.
“F’dan il-mument kritiku, is-silenzju huwa kompliċità. Nitolbu waqfien mill-ġlied immedjat u permanenti, aċċess umanitarju sħiħ, il-ħelsien tal-ostaġġi kollha, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, u impenn għal paċi ġusta u dejjiema permezz tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati. Nafferma mill-ġdid l-appoġġ sod tiegħi għall-poplu Palestinjan u l-ġlieda ġusta tiegħu għad-dinjità, il-libertà u l-ħajja.”
Fid-diskors tiegħu, Bugeja tenna mill-ġdid ukoll il-kampanja tal-GWU kontra l-abbuż tal-ħaddiema tal-pjattaformi, li jiffaċċjaw inġustizzji minħabba li huma sfruttati mill-algoritmi, kif ukoll miċħuda d-drittijiet bażiċi u mħallsa inqas.
“F’Malta rajna dawn l-inġustizzji mill-qrib, fit-twassil tal-ikel u t-trasport. Dawn il-ħaddiema ffaċċjaw kundizzjonijiet prekarji, paga baxxa u instabbli, l-ebda protezzjoni, kuntratti informali u sottokuntrattar li jċaħħadhom id-drittijiet. Il-gvern Malti flimkien mas-sħab soċjali wieġeb bid-Digital Platform Delivery Wages Council & Wage Regulation Order, liġi innovattiva li tagħti status ċar ta’ impjieg u drittijiet minimi lil dawn il-ħaddiema.”
Il-GWU kienet l-ewwel union f’Malta li qajmet din il-kwistjoni ta’ abbuż u sfruttament, kif ukoll l-ewwel organizzazzjoni biex tgħaqqad lil dawn il-ħaddiema tal-pjattaformi.
“Il-ħaddiema kollha tal-pjattaformi, irrispettivament minn kif jiġi organizzat jew iffaċilitat ix-xogħol tagħhom, jistħoqqilhom paga ġusta, protezzjoni soċjali, kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u d-dritt li jorganizzaw… se naħdmu qatigħ biex niżguraw li dawn il-liġijiet il-ġodda jiġu implimentati, rispettati u infurzati.”
Madankollu, Bugeja żied jgħid li anke l-ekonomiji nazzjonali għandhom jiġu indirizzati, bl-inugwaljanza dejjem tikber frott il-produttività li tiżdied, filwaqt li l-pagi jibqgħu staġnati. Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li l-pagi li jiggarantixxu l-għajxien (living wage) u n-negozjar kollettiv b’saħħtu kellhom isiru n-norma.
“Il-ħaddiema jistħoqqilhom sehem ġust mill-ġid li joħolqu. Id-dinjità, ir-rispett u l-kundizzjonijiet ġusti mhumiex buzzwords; jirriflettu l-ġustizzja soċjali, is-solidarjetà u l-valuri tas-soċjetà tagħna.”
Bugeja appella wkoll għal djalogu soċjali b’saħħtu u investiment pubbliku għal tranżizzjoni ekoloġika ġusta, sabiex il-ħaddiema jkollhom aċċess għall-impjiegi ekoloġiċi ġodda li huma deċenti u ġusti.
“Irridu niffaċċjaw il-kriżi klimatika b’urġenza u ġustizzja. Tranżizzjoni ġusta mhijiex lussu iżda neċessità… irridu nitbiegħdu minn mudelli li jagħmlu l-profitt l-ewwel li jisfruttaw kemm lin-nies kif ukoll lin-natura.”
Bugeja qal li d-dinja kienet għaddeja minn tfixkil kbir mill-gwerra u l-inugwaljanza, flimkien ma’ evoluzzjoni rapida tat-teknoloġija li kienet qed tisfida l-pedamenti tad-demokrazija.
“Mad-dinja kollha, in-nies qed jaħdmu aktar, jaqilgħu inqas u qed iħossuhom dejjem aktar esklużi mill-benefiċċji tat-tkabbir. Il-kuntratt soċjali tagħna, in-nisġa stess tas-soċjetà, qed tiċċajpar,” qal Bugeja, filwaqt li appella għat-tisħiħ tat-trade unions madwar id-dinja kollha.
“It-trade unions huma l-amministraturi tad-demokrazija fil-postijiet tax-xogħol u fis-soċjetà. Fi żminijiet ta’ instabbiltà, aħna nankraw il-komunitajiet tagħna f’solidarjetà, nibnu l-fiduċja permezz tad-djalogu, u niġġieldu kontra l-inġustizzja u l-abbuż.
“Flimkien mal-ILO irridu nibnu mill-ġdid kuntratt soċjali msejjes fuq il-prosperità kondiviża u l-governanza demokratika – kuntratt fejn l-ebda ħaddiem ma jitqies disponibbli, fejn il-ħaddiema tal-pjattaformi jkollhom drittijiet, fejn il-pagi jkunu ġusti, fejn it-tranżizzjoni ekoloġika tkun ġusta, u fejn kull vuċi tkun importanti.”