Sunday, December 22, 2024

Kontraċettivi bla ħlas mis-sena d-dieħla

Budget 2023: Jiżdied l-investiment b’saħħtu fil-qasam tas-saħħa f’Malta u Għawdex

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

B’investiment massiċċ stmat li fis-sena 2023 se jlaħħaq il-€1 biljun, is-settur tas-saħħa f’Malta se jkompli jissaħħaħ u joffri servizzi tal-aqwa kwalità lir-residenti kollha. Wara s-suċċess li kiseb pajjiżna fl-agħar żminijiet tal-Covid-19 tant li poġġiena fuq quddiemnett tal-pajjiżi bl-aqwa sistema tas-saħħa, il-Gvern ma waqafx hemm. Anzi, hekk kif imħabbar fl-aħħar Budget, pajjiżna se jkollu aktar investimenti fuq firxa wiesgħa fis-settur tas-saħħa u xhieda ta’ dan huwa l-fatt li mis-sena d-dieħla, hekk kif ħabbar id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, f’Malta l-kontraċettivi se jibdew jingħataw bla ħlas. Dan il-pass għaqli u ta’ min ifaħħru mhux biss se jipprevjeni tqaliet mhux ippjanati iżda jindirizza wkoll il-problema tal-mard trasmess sesswalment li wara l-pandemija, erġejna rajna żieda fil-każijiet.

L-inizjattiva tal-kontraċettivi bla ħlas tħabbret fil-Parlament waqt li kienu diskussi l-estimi għas-settur tas-saħħa tal-Budget 2023. Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne filwaqt li saħaq li s-servizz tas-saħħa huwa ġojjel lil ilna s-snin inkabbruh u nrawwmuh tant li “kburi bih”, spjega li dan is-servizz huwa wieħed kumpless u li biex jinżamm ta’ livell għoli hemm bżonn li nibżgħuh għalih.  

Bħala miżuri li bihom se jitjiebu ċerti setturi fil-qasam tas-saħħa, il-Ministru Fearne beda b’dak tas-saħħa sesswali fejn qal li bħalissa għaddej survey iddettaljat li qiegħed jiġbor informazzjoni fuq l-attitudni u l-prattiċi ta’ dak li jaħsbu l-Maltin u l-Għawdxin fuq dan is-suġġett. “L-aħħar survery li sar kien madwar 12-il sena ilu u biex nibnu strateġija nazzjonali b’saħħitha rridu nagħmluha bil-fatti. Ir-riżultat ta’ dan is-survey se jkunu għandna fl-ewwel xhur tal-2023. Inħabbar li matul is-sena li ġejja se nibdew nintroduċu l-kontraċettivi bla ħlas u se jkollna wkoll kampanja edukattiva ħalli nkomplu ngħinu f’dan is-settur,” spjega l-Ministru tas-Saħħa. 

Huwa qal li se jiżdiedu wkoll is-servizzi tal-GU Clinic u dan anke f’diversi bereġ b’tobba mħarrġa apposta. Barra minnhekk, saħaq li huwa minnu li l-isptarijiet tagħna huma importanti imma “huma aktar importanti, meta possibbli, li jkollna s-servizz fil-komunitajiet u għalhekk se noffru servizz ta’ vera permezz il-bereġ u ċ-ċentri tas-saħħa fil-lokalitajiet”. Fearne qal li s-sena d-dieħla se jinfetħu bereġ ġodda f’diversi lokalitajiet Maltin fosthom  f’Birżebbuġa, fis-Siġġiewi u f’San Pawl il-Baħar, kif ukoll f’Għawdex fil-Qala. 

Dan barra li se jkun estiż is-servizz tal-onkoloġija anke f’numru ta’ ċentri tas-saħħa fejn is-sena d-dieħla wkoll se jkunu anke għal tipi oħra ta’ kanċer. Mis-sena li ġejja, il-Ministru Fearne qal li se jibdew joffru lil numru ta’ pazjenti morda bil-kanċer u li l-kura tagħhom tkun tippermettilhom, li jagħtuhielhom fid-dar tagħhom stess. Hawn huwa semma’ l-istedina li saritlu mill-“Economist” li tulha se jispjega kif Malta, b’referenza speċjali għas-servizz tan-“Nurse Navigators”, qiegħed jirnexxielha tagħmel dan il-progress kbir fil-kura tal-kanċer. Il-Ministru tas-Saħħa bla tlaqliq qal li b’dan il-progress kbir “kburin ħafna u iva, huwa servizz verament brillanti”.

Fl-intervent tiegħu l-Ministru Fearne aċċenna għall-kritika mill-Kap tal-PN Bernard Grech fejn dejjem jgħid li mhuwiex isir investiment fis-saħħa u stiednu għall-ftuħ taċ-ċentru reġjonali “Vincent Moran” f’Raħal Ġdid li se jinfetaħ is-sajf li ġej. “Ħalli jara kif verament qegħdin isiru l-investimenti fil-qasam tas-saħħa. Dan iċ-ċentru huwa prattikament dipartiment tal-emerġenza f’Raħal Ġdid li se jnaqqas il-piż f’dak ta’ Mater Dei. Se joffri servizz mediku tal-aqwa kwalità lil kważi nofs il-popolazzjoni ta’ Malta li tgħix fin-Nofsinhar ta’ Malta u se jkun attrezzat fost l-oħrajn b’żewġ swali tal-operazzjonijiet, kliniċi tad-dentisti, outpatients sħiħ, endoskopija, se jsiru operazzjonijiet tal-katarretti, se tingħata l-kura primarja u se jkun fih dipartiment tas-saħħa mentali”.

Il-Ministru Fearne ħa ħsieb li jfakkar li s-sena d-dieħla se jinfetaħ ukoll ċentru ġdid tal-onkoloġija u se jkun hemm l-estensjoni tas-servizz anke fil-kbar tal-glucose monitors, miżura b’investiment li se jitla’ għal €1,800,000, jiġifieri d-doppju li kien. Huwa semma’ wkoll it-titjib fis-settur tas-saħħa mentali fejn sena wara l-oħra qiegħed isir investiment u rinovar fl-Isptar Monte Carmeli. Dan, minflok, tħalla jaqa’ biċċiet kif kien qiegħed jagħmel fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista. 

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne enfasizza li, “is-settur tas-saħħa huwa servizz li fih ta’ kuljum irridu nieħdu deċiżjonijiet għaqlin u tajbin bi tmexxija li taf x’inhija tagħmel. Jekk jittieħdu deċiżjonijiet żbaljati tiġi riflessa fuq saħħet u ħajjet in-nies kif ukoll hemm riskju li nkissru s-sistema. Irid ikun hemm ideat u riċerka tajba u rikonoxxuta. Mhux li jiġu l-problemi jgħodd, imma x’tagħmel bihom. Iva, problemi jkollu kulħadd imma aħna l-problemi niffaċċjawhom u nsolvuhom”.

Ekonomija

Sport