Friday, May 3, 2024

“Jekk l-ideat fid-dokument tal-PN isiru, kieku s-servizz tas-saħħa f’Malta jikrolla”

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne

Aqra wkoll

Fl-intervent tiegħu fis-seduta parlamentari ta’ dalgħodu d-Deputat Prim Ministru rrefera għad-dokument ta’ qabel il-budget tal-Partit Nazzjonalista. Barra li dan id-dokument uffiċjali lokali nkiteb bl-Ingliż u anke hemm ċerti żbalji, aktar serju minnhekk, spjega Fearne, “meta rajtu ma stajtx ma nkunx inkwetat għax kieku l-ideat li fih isiru, kieku s-servizz tas-saħħa f’Malta jikrolla”. 

Il-Ministru Fearne semma’ u rribatta b’fatti xi punti f’dan id-dokument mill-Oppożizzjoni fejn qal li assolutament mhuwiex minnu li l-ispiża biex tkun indirizzata l-obeżità f’Malta, se tonqos. Tant huwa hekk li filwaqt li direttament is-sena d-dieħla bħas-sena preċedenti ġew allokati €80,000, fil-Budget 2023 hemm allokali €600,000 oħra f’Dar Kenn biex it-total ta’ investiment stmat għall-2023 fejn tidħol l-obesità huwa fir-realtà dak ta’ €680,000.

It-tieni punt li rribatta minn fuq id-dokument ta’ qabel il-Budget tal-PN kien dak dwar il-manutenzjoni tal-apparat f’Mater Dei. “Huwa vera li ta’ kull sena nżidu l-apparat imma li l-ispiża naqset huma żbaljati għax fl-2022 din kienet ta’ €5.4 miljuni mentri għas-sena d-dieħla din telgħet għal €5.5 miljun. Mhuwiex vera li fiż-żewġ każijiet qegħdin innaqsu l-ispiża għax aħna rridu nkomplu nagħtu servizz tajjeb,” sostna l-Ministru tas-Saħħa. 

Min-naħa tiegħu huwa nnota kif f’jum wieħed l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) faħħret lil Malta fejn fl-ewwel każ faħħret is-sistema tal-kanċer imħaddna f’pajjiżna u t-tieni dwar is-sistema tat-tilqim li għandna għall-influwenza u għall-Covid-19. Hawnhekk il-Ministru Fearne qal li ma jistax jifhem kif u għala l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qiegħed dejjem isib lok biex jikkritika l-istess sistemi.

Fid-dokument tal-PN fis-sezzjoni “Għal Servizz Aħjar tas-Saħħa” il-Ministru Fearne kkwota l-viżjoni tal-PN fejn jgħidu li l-pazjenti għandhom jintbagħtu barra minn Malta għall-kura. Fir-rigward huwa qal li għan-Nazzjonalisti flok inżidu s-servizzi għall-pazjenti f’Malta, “dawn lanqas hemm għalfejn intejbuhom u minflok għandna nibagħtuhom barra l-pajjiż proprju f’perjodu delikat f’ħajjithom fejn għandhom bżonn ikunu qrib il-familja tagħhom u f’ambjent li huma familjari miegħu”. Spjega li, “meta jkun hemm bżonn, iva, nibagħtuhom u nħallsulhom. Din is-sena fil-fatt diġà bagħtna 400 pazjenti għal kura speċjalizzata barra minn Malta imma, fejn ikun possibbli, aħna nagħtu l-kura meħtieġa f’Malta stess. Żbaljat il-PN li jipproponi li aktar pazjenti għandhom jintbagħtu barra minn Malta”.

Żball ieħor pjuttost gravi fid-dokument tal-Oppożizzjoni ta’ qabel il-Budget 2023 li Fearne semma’ huwa dak li fih il-PN qiegħed jippretendi li ssir sistema kompjuterizzata fejn l-informazzjoni kollha u sensittiva tal-pazjenti kollha fil-kliniċi tkun differenti minn dik ta’ kull sptar ieħor. Dan bħala tabib jaf li sistema hekk tista’ tkun ta’ detriment għal saħħet l-istess pazjenti barra li hija llegali minħabba d-Data Protection Act. “Is-sistema għandha taħdem eżattament fl-oppost. Sistema li aħna diġà għandna. Imma mhux hekk biss. Jgħidu li din għandha tkun aċċessibbli minn kulħadd. Immaġinaw meta persuna tmur għand tabib u kulħadd jista’ jsir jaf x’għandha,” insista l-Ministru Fearne.

L-aħħar punt li għamel referenza għalih f’dan id-dokument kien dak fit-tieni paragrafu ta’ paġna 63 fejn il-PN irid li s-sistema tas-saħħa ma tużax mediċini ġeneriċi. Dawn il-mediċini “ikkupjati” li jaħdmu bl-istess mod ta’ dawk oriġinali huma rikonoxxuti iżda l-vantaġġ kbir tagħhom huwa li jiswew ferm inqas mill-prezz oriġinali. Hawnhekk il-Ministru Fearne qal li l-Gvern għall-mediċini waħidhom fl-2023 se jonfoq €170 miljun u kieku l-PN ineħħi dawk ġeneriċi u jixtri dawk bil-“patent” jiġifieri l-oriġinali, kieku jispiċċa jonfoq il-flus kollha allokati għas-settur tas-saħħa. Hawn staqsa jekk b’mossa ta’ dan it-tip il-PN jasalx imbagħad li jwaqqaf is-servizz tas-saħħa f’Malta bla ħlas, jew inkella jżidx it-taxxi fuq il-poplu jew sempliċiment iħallix li jikrolla kollox.

“Dawn huma affarijiet li kitbu bl-iswed fuq l-abjad u huma ideat żbaljati. Kieku fl-aħħar elezzjoni n-nies tellgħu lill-PN, kieku s-servizz tas-saħħa jikrolla imma, il-poplu jaf x’inhuwa jagħmel u ta’ fiduċja lill-Gvern li wkoll jaf x’inhuwa jagħmel,” temm id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne.

Sport