Saturday, December 21, 2024

“Konvint li se nkunu qed inħarsu s-saħħa u s-sigurtà f’siti ta’ kostruzzjoni”

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi dwar il-ftehim iffirmat biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-pubbliku f’postijiet ta’ kostruzzjoni

Aqra wkoll

Ġie ffirmat ftehim bejn l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni u l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol bil-għan li jiġu ssalvagwardjati aħjar l-interessi u s-sigurtà tal-pubbliku fiż-żoni fejn ikunu qed isiru xi xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Preżenti għall-iffirmar kien hemm il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjannar Stefan Zrinzo Azzopardi.

Il-ftehim, li ġie ffirmat mill-kapijiet eżekuttivi taż-żewġ awtoritajiet rispettivi, hu l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu bejn iż-żewġ awtoritajiet u jelenka b’mod ċar li l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni se tkun qed tittratta materji li jistgħu jkunu qed jaffettwaw is-sigurtà tal-pubbliku.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li dan il-ftehim huwa eżempju ta’ kif dan il-Gvern qed jagħti importanza kbira mhux biss lis-settur tal-konstruzzjoni, iżda wkoll lill-partijiet terzi li jinsabu qrib siti ta’ konstruzzjoni. “L-appell tiegħi jibqa’ dejjem għal aktar kwalità fis-settur tal-kostruzzjoni. Konvint li dan il-ftehim se jkun qed ifisser aktar ħidma flimkien sabiex nipproteġu d-drittijiet ta’ kull individwu billi nħarsu s-saħħa u s-sigurtà f’siti ta’ kostruzzjoni u nagħtu serħan il-moħħ lil dawk li jgħixu fil-madwar,” temm jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Iffirmat il-ftehim bejn l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni u l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol. Ritratt: Kevin Abela – DOI

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) Jesmond Muscat qal li permezz ta’ dan il-ftehim, l-awtorità ser tkun qed tieħu azzjoni għar-rapporti li jkunu saru u fejn dawn ma jaqgħux taħt ir-responsabilità tagħha, ir-rapport jingħadda b’mod immedjat lill-awtorità responsabbli. Fost ir-rapporti li tittratta l-awtorità hemm rapporti ta’ inkonvenjenti kkawżati lil partijiet terzi, ilmenti dwar siti ta’ kostruzzjoni u makkinarju abbandunat bi ksur tar-regolamenti tal-Environment Site Managementu lmenti dwar nuqqas ta’ permessi sabiex karozzi ma jipparkjawx quddiem siti ta’ kostruzzjoni, fost l-oħrajn.

Intant, Dr Mark Gauci, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), qal li din l-awtorità minn dejjem kienet temmen fl-importanza ta’ kollaborazzjoni ma’ entitajiet differenti, kemm dawk lokali kif ukoll internazzjonali. Fil-fatt, mill-bidu nett, l-OHSA xprunat relazzjoni pożittiva ta’ ħidma mal-BCA sabiex issaħħaħ il-koperazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet u fl-istess waqt jiġu delineati l-parametri operattivi taż-żewġ awtoritajiet. L-OHSA tinsab konvinta li dan il-ftehim se jwassal għal relazzjoni aktar pożittiva u għal servizz aħjar fil-postijiet tax-xogħol.

Ekonomija

Sport