Wednesday, April 24, 2024

Jerġgħu jinħolqu xeni mill-waqgħa tal-Forti Sant’Iermu wara 457 sena

Aqra wkoll

Xeni mill-waqgħa tal-Forti Sant’Iermu, li ċeda għall-attakki tal-Qawwiet Ottomani 457 sena ilu, se jinħolqu mill-ġdid fil-forti stess waqt attività li Heritage Malta se tagħmel nhar il-Ħadd 26 ta’ Ġunju.

Il-Forti Sant’Iermu kien fil-mira tal-eħrex ħbit tal-għadu matul l-Assedju l-Kbir tal-1565. L-attakki fuqu bdew fil-25 ta’ Mejju, f’dik li l-Ottomani bassru li se tkun rebħa faċli. Iżda għall-kuntrarju ta’ dak li kien mistenni, il-forti rnexxielu jirreżisti l-attakki għal kważi xahar sħiħ.

Wara li l-Ottomani bil-mod il-mod għelbu r-reżistenza tal-ħitan ta’ barra, il-forti sa fl-aħħar ċeda fit-23 ta’ Ġunju, ironikament lejlet il-festa ta’ San Ġwann Battista, il-qaddis patrun tal-Kavallieri li kienu fuq quddiem nett tad-difiża tal-forti. Ħadd minn dawn il-Kavallieri ma baqa’ ħaj, u disgħa biss mill-Maltin li kienu qed jgħinuhom irnexxielhom isalvaw billi qasmu bl-għawm lejn il-Forti Sant’Anġlu fuq in-naħa l-oħra tal-Port il-Kbir.

Il-Forti Sant’Iermu se jerġa’ jara wħud minn dawn ix-xeni jseħħu fi ħdanu matul l-attività‘L-Anniversarju tal-Waqgħa’. L-episodji se jinħolqu mill-ġdid minn membri tal-grupp tar-re-enactment Show of Arms, b’tifkira ta’ dawk li taw ħajjithom biex iħarsu l-gżira u l-fidi tagħhom.

Ir-re-enactments se jsiru matul il-ġurnata kollha, bejn l-10:00 u l-16:00. Il-biljetti tad-dħul ikunu bil-prezzijiet normali u jistgħu jinxtraw biss mill-bieb.

Sport