Wednesday, December 25, 2024

“Konxji tal-bżonn li jkollna provvista ta’ ikel sustanzjuż, frisk u lokali”

Id-Deputata Laburista Alicia Bugeja Said

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said iddikjarat fil-Parlament li se tkun qiegħda taħdem biex tkun imfassla politika nazzjonali għall-ikel sabiex tiġi garantita sistema ta’ produzzjoni tal-ikel aktar robusta.

Hija qalet li qatt daqs illum ma konna konxji tal-bżonn li jkollna provvista ta’ ikel sustanzjuż, frisk u lokali. Qalet li l-industrija tal-biedja u s-sajd se jingħataw spinta ġdida li tirrifletti l-importanza tagħhom fis-soċjetà tagħna. 

“F’dan iż-żmien, aktar minn qatt qabel huwa importanti li nassiguraw provvista tal-ikel anke billi nkomplu nsaħħu u nagħtu sostenn lill-bdiewa u s-sajjieda tagħna,” qalet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said. 

Hija ħabbret li fiż-żmien li ġej se jirrevedu u jaġġornaw il-liġijiet tal-qbiela sabiex jiggarantixxu li l-art agrikola tibqa’ tinħadem minn bdiewa u tipproduċi l-ikel b’rispett lejn id-drittijiet ta’ sidien tal-art u l-ħtieġa li l-kera tirrifletti ż-żminijet tal-lum.

Bugeja Said kompliet tgħid li l-Gvern se jgħin lill-bdiewa u s-sajjieda b’għajnuniet finanzjarji biex b’hekk il-prodott Malti jiġi ppreżentat lill-konsumatur b’mod aktar professjonali u jibda jħabbatha ma’ dak barrani, mhux biss fil-kwalità imma wkoll fid-dehra.

Hija żiedet li “se naħdmu fuq skemi ta’ kumpens li jinċentivaw lis-sajjieda u l-bdiewa rtirati li jagħżlu li jittrasferixxu art agrikola, irziezet, inġenji u liċenzji u bastimenti lil sajjieda u bdiewa żgħażagħ.”

Bugeja Said ħabbret li fiż-żmien li ġej se jiskatta proċess biex tiddaħħal strateġija nazzjonali għall-ħarsien tal-annimali flimkien ma’ standards ogħla tal-breaders u l-pet sitters. 

“Se naħdmu fuq tibdil fil-liġijiet biex naraw li l-annimali li jinsabu fi stat mitluq jingħataw l-għajnuna qabel ikun hemm deċiżjoni finali mill-Qorti. Se naraw ukoll li matul din il-leġiżlatura jinfetaħ iċ-ċimiterju tal-annimali f’Ta’ Qali,” tenniet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

Ekonomija

Sport