Koppja akkużata li ttraffikat nisa miċ-Ċina u li ġegħlithom jidħlu għall-prostituzzjoni qed jitolbu biex il-ġuri tagħom jerġa’ jibda mill-ġdid. Dan hekk kif huma qed jallegaw li l-preġudizzju ġudizzjarju u s-servizz ta’ interpretazzjoni kien inadegwat waqt is-smigħ tal-każ tagħhom.
Winston-Joseph Gera u s-sieħba tiegħu, Zhang Tianxia, bħalissa qed jistennew l-eżitu ta’ smigħ mill-ġdid wara li s-sentenza preċedenti tagħhom ta’ seba’ snin priġunerija ġiet imħassra fuq appell.
Madankollu, issa huma t-tnejn qed jitolbu lill-Qorti Kostituzzjonali biex tintervjeni, bl-argument li l-proċeduri oriġinali kienu fundamentalment inġusti u li x-xhieda miġbura waqt dak il-każ għandha tiġi mħassra mir-rekords għal kollox.
Fil-Qorti, ġie spjegat li l-koppja spiċċat taħt il-lenti tal-pulizija għall-ewwel darba fl-2017, wara li waħda mill-impjegati tagħhom irrappurtat lil Gera l-Pulizija, fejn akkużatu li seraqilha l-mobile. Madankollu, l-investigazzjoni kibret f’allegazzjonijiet ferm aktar serji.
Ħaddiema impjegati mal-koppja allegaw li nġiebu Malta miċ-Ċina bil-wegħda ta’ impjieg bħala terapisti tal-massaġġi, biex imbagħad sabu ruħhom maqbuda f’kundizzjonijiet ta’ sfruttament.
In-nisa, li waħda minnhom kienet ħallset €7,800 biex tiġi Malta bil-ħsieb li se taħdem bħala terapista tal-massaġġi, qalet li l-passaport tagħha ġie kkonfiskat mal-wasla tagħha u li ġiet imġiegħl taħdem sigħat twal. Hija allegat ukoll li kienet tiġi mġiegħla sabiex tipprovdi servizzi sesswali lill-klijenti.
F’Diċembru tal-2020, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech sabet kemm lil Gera kif ukoll lil Zhang ħatja, fejn ikkundannathom seba’ snin ħabs u ddeskriviet it-trattament tagħhom lejn il-ħaddiema bħala forma ta’ “skjavitu raffinata”.
Is-sentenza kienet ordnat ukoll il-konfiska tal-erba’ ħwienet tal-massaġġi tal-koppja u dderiġiet lill-awtoritajiet biex jinvestigaw jekk għandhomx jinħarġu akkużi ta’ ħasil ta’ flus wara dan.
Madankollu, il-kundanna aktar tard ġiet annullata mill-Qorti tal-Appell Kriminali. L-Imħallef Neville Camilleri sab li l-ewwel Qorti kienet naqset milli tissodisfa r-rekwiżiti tal-Kodiċi Kriminali, li jirrikjedi li l-qrati jispjegaw b’mod ċar il-fatti li l-akkużat instab ħati tagħhom u jidentifikaw id-dispożizzjonijiet legali li fuqhom hija bbażata l-kundanna.
Konsegwentement, il-każ intbagħat lura biex jinstema’ mill-ġdid quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi, fejn bħalissa qed jiġi ttrattat. Fil-Qorti, id-Difiża argumentat li l-proċeduri twal ħallew lill-koppja f’qagħda finanzjarja mwiergħa, bil-ħwienet tal-massaġġi tagħhom ikkonfiskati u s-sorsi ta’ dħul tagħhom nixfu.
Għalkemm is-sentenza tal-2020 ġiet annullata, il-koppja rrimarkaw li x-xhieda mogħtija waqt dawk il-proċeduri xorta waħda għadha tifforma parti mill-korp tal-provi. Il-koppja qed targumenta li l-Maġistrat Frendo Dimech qabżet ir-rwol tagħha bħala arbitru newtrali waqt ix-xhieda ta’ Gera f’Mejju tal-2019.
Il-koppja qed tikkontesta wkoll il-kwalità tal-interpretazzjoni li ngħatat lil Zhang Tianxia. Għalkemm kien ġie maħtur interpretu, iż-żewġ akkużati qed jargumentaw li l-assistenza pprovduta ma laħqitx l-istandards meħtieġa taħt il-liġi Maltija u Ewropea.L-avukati Marion Camilleri u Herman Mula qed jidhru għal Gera u Tianxia.

