Pajjiżna għaddej minn fażi ekonomika b’saħħitha ħafna. Sena wara l-oħra qiegħed jibqa’ jiġi rreġistrat tkabbir ekonomiku qawwi li jiżboq dak ta’ pajjiżi oħra Ewropej. Dawn ir-riżultati ma waqgħux mis-sema, lanqas ma ġew b’xi kumbinazzjoni, imma ntlaħqu sforz ħidma mis-setturi ekonomiċi kollha – Gvern u settur privat.
Ċertifikat ieħor pożittiv għall-pajjiżna huwa dak li skont kif imbassar mill-Bank Ċentrali, it-tkabbir tal-prodott domestiku gross mistennija li jkun ta 3.7%, 3.6% u 3.8% rispettivament bejn l-2026 u l-2028. F’kuntest globali inċert maħluq mill-kunflitt li għadu għaddej fl-Lvant Nofsani, dan kollu jrrifletti li l-ekonomija Maltija mistennija tibqa’ tkun reżiljenti.
Għandna għax nemmnu li meta u jekk l-ekonomija tkun stabbli u reżiljenti, din toħloq aktar ġid, aktar opportunitajiet ta’ xogħol, tattira aktar investiment ġdid u tagħti aktar serħan il-moħħ lill-familji u lin-negozji ta’ pajjiżna. Ekonomija reżiljenti tfisser ukoll li aktar nies ikollhom kwalita ta’ ħajja dejjem aħjar, filwaqt li n-negozji jkunu jistgħu jkomplu jinvestu u jkabbru. Dan kollu flimkien iwassal biex il-livell tal-għajxien tan-nies jibqa jitjieb u l-pajjiż jimxi aktar ’l quddiem.
Ekonomija b’saħħitha tagħti wkoll lill-gvern il-possibbiltà li jinvesti aktar fis-servizzi essenzjali bħall-edukazzjoni, is-saħħa, it-trasport u l-infrastruttura fiżika. Ikompli jkattar ukoll il-qasam soċjali biex il-faxex li huma l-isfel fis-soċjeta jkollhom iċ-ċns li javvanzaw u jtejbu ħajjithom. Għax meta l-pajjiż ikollu ekonomija soda, ikun jista’ joffri aktar għajnuna lil dawk li jkollhom bżonnha, filwaqt li jkompli joħloq opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ u għall-familji Maltin u Għawdxin.
Barra minn hekk, ekonomija li tkompli tikber tgħin biex il-pajjiż ikun aktar preparat għalli jista jinqala, fosthom sfidi internazzjonali jew kriżijiet ekonomiċi li jistgħu jolqtu lid-dinja. Għalhekk nemmnu li huwa essenzjali li bħalma għamel f’ċirkustanzi oħra, il-Gvern jibqa’ jaħdem b’serjetà u b’viżjoni biex ikompli jsaħħaħ l-ekonomija tal-pajjiż.
Dan għaliex Gvern li jinvesti fl-innovazzjoni, fit-teknoloġija, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ tal-ħaddiema jkun qed jibni futur aħjar għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Gvern li jibqa’ qrib in-nies u jifhem il-ħtiġijiet tagħhom jista’ jkompli jimplimenta miżuri li jgħinu lill-familji jlaħħqu mal-ispejjeż tal-ħajja u jżidu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Fl-aħħar mill-aħħar, ekonomija b’saħħitha mhijiex biss dwar ċifri u numri pożittivi jew tkabbir ekonomiku, iżda dwar kif il-ġid tal-pajjiż jiqassam ugwalent u jasal għand kulħadd. Huwa importanti li t-tkabbir ekonomiku jkun wieħed sostenibbli u inklussiv, fejn kull persuna tingħata opportunità timxi ’l quddiem.
Aħna konvinti li l-Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela se jibqa’ jaħdem u jippjana għall-futur, sabiex b’hekk il-pajjiż ikun jista’ jkompli jibni fuq is-suċċessi tiegħu u joffri aktar stabbiltà, prosperità u opportunitajiet għal poplu Malti u Għawdxi.

